Lokali

Ebda forma ta’ segregazzjoni tal-pazjenti fl-Isptar Mater Dei

Diversi infermieri li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei esprimew il-frustrazzjoni u t-tħassib tagħhom dwar il-problema tal-iffullar li qed twassal biex pazjenti rikoverati b’mard differenti qed jitħallew fl-istess swali jew kurituri. U dan minħabba nuqqas kbir ta’ sodod.

Rapport pubblikat fil-ġurnal The Malta Independent tal-Ħamis ikkwota lill-istess infermieri li sostnew li din il-problema se żżid aktar il-possibbiltà ta’ pazjenti li jiżviluppaw xi infezzjoni.

Jidher li pazjenti li għandhom uġigħ f’sidirhom qed jitqiegħdu qrib pazjenti ohrajn bil-gastritis. Bl-istess mod, pazjenti li jbatu bl-ażma qed jitqiegħdu ħdejn pazjenti li huma morda b’infezzjonijiet fis-sider jew ma’ ohrajn li għandhom problemi bl-alkoħol.

L-infermieri fissru li m’hemm ebda forma ta’ segregazzjoni tal-pazjenti u individwi li huma morda serjament qed jitħallew fil-kurituri, minbarra li qed jitqiegħdu ħdejn pazjenti ohrajn li l-kundizzjoni tagħhom tista’ tkun perikoluża ħafna għalihom.

Barra minn hekk, id-demm qed jittieħed mill-pazjenti fil-kurituri, u dan jista’ jkun perikolux għax, idealment, dan għandu jsir f’ambjent sterilizzat.

Gruppi vulnerabbli, bħalma huma t-tfal, l-anzjani u dawk li jbatu bid-dijabete, huma aktar suxxettibbli għall-infezzjonijiet. Jidher li hemm biss sink wieħed fil-kuritur li jwassal mid-Dipartiment tal-Emerġenza sat-taqsima tal-Outpatients – kuritur li hu mimli bis-sodod u l-pazjenti.

Kelliem għall-gvern ċaħad l-allegazzjonijiet u stqarr li l-pazjenti li qed jidħlu l-isptar qed jitqiegħdu f’żoni speċjalizzati għall-kura kif suppost.

Sadattant, l-iffullar fil-kurituri tal-isptar qed iwassal biex il-pazjenti qed ibatu minn ġrieħi kawżati minn kura fit-tul fuq is-sodod, kif ukoll minn disturbi fl-irqad, li qed jostakolaw il-kura ġenerali tagħhom.

Lill-pazjenti anzjani qed jgħidulhom jilbsu n-nappies filwaqt li eżerċizzji tal-fiżjoterapija ma jistgħux isiru fil-kurituri. Madankollu, numru ta’ infermieri qalu li huma qed jitħabtu biex jikkontrollaw id-diversi trasferimenti tal-pazjenti mill-kurituri sas-swali kuljum.

Il-Union Maltija tal-Infermieri u l-Qwiebel argumentat li ż-żieda fis-sodod mhix is-soluzzjoni għall-kwistjoni tal-iffullar fl-isptar. Il-MUMN saħqet li jrid ikun hemm pjanar serju għall-perijodu fit-tul. L-istess union qed tipproponi li t-tobba jibdew jagħmlu r-rondi tagħhom matul il-jum. Dan jista’ jwassal biex il-pazjenti joħorġu mill-isptar matul il-ġurnata u b’hekk iħallu numru ta’ sodod battala għal matul il-lejl.