Kif żvela MaltaRightNow.com ilbieraħ waranofsinhar, l-Għassa temporanja tal-Pulizija f’Wied il-Għajn ingħalqet wara li ma ntlaħqux ir-rakkomandazzjonijiet mitluba mill-MEPA, bl-Awtorità għaldaqstant twaqqaf il-permess.
Wara d-deċiżjoni li tat il-MEPA lbieraħ, l-Għassa mobbli fil-forma ta’ kontejner kbir tneħħiet tard dalgħodu, f’operazzjoni li wasslet għal konġestjoni u konfużjoni fit-traffiku. Il-kontejner tpoġġa fuq trakk u issa għandu jittieħed f’żona oħra tal-lokalità li reċentament kienet devoluta lill-Kunsill Lokali.
Wara d-deċiżjoni li l-Għassa mobbli tiċċaqlaq, il-Pulizija stazzjonati fl-Għassa ta’ Wied il-Għajn ilbieraħ filgħaxija kellhom joqgħodu fil-vann tal-Pulizija li ssoltu kien ikun stazzjonat f’Paceville għal kull eventwalità li tista’ tinqala’.
Persuni li għaddew mill-post ilbieraħ filgħaxija qalu lil MaltaRightNow.com li l-kundizzjonijiet għal dawn il-Pulizija huma inumani tant li uħud minnhom dehru għal ħafna mill-ħin jippasiġġjaw barra l-vann biex forsi jegħlbu t-temperaturi baxxi ta’ dak il-ħin tal-ġurnata.
//= $special ?>