Lokali

Il-Ħaddiema fl-Enemalta u l-familji tagħhom huma inċerti – l-UĦM

Il-UĦM qed tesprimi t-tħassib tagħha dwar iċ-ċaqliq u t-trasferimenti interni fost il-ħaddiema ta’ l-Enemalta li qed isiru mingħajr ebda konsultazzjoni.

It-taqsima Manifattura u Kummerċ tal-UĦM fil-fatt kitbet liċ-Chairman Eżekuttiv ta’ l-Enemalta u għamlet diversi mistoqsijiet dwar l-inċertezza li qed jaffaċċjaw il-ħaddiema. Dan wara li tentattivi sabiex issir laqgħa ġew imħassra mill-management.

Il-UĦM, fost il-mistoqsijiet li staqsiet, primarjament, l-ewwel interess hu għat-take-home pay tal-ħaddiema u għalhekk il-UĦM staqsiet jekk dan id-dħul hux garantit għall-ħaddiema u l-familji tagħhom.

Il-UĦM staqsiet jekk b’xi mod l-allowances jew ħlas abbinat max-xift hux se
jkun minsus mill-eżerċizzju li qed isir.

Intant il-UĦM staqsiet ukoll jekk l-Enemalta għandhiex intenzjoni li tittrasferixxi u/jew
tissekonda ħaddiema f’entitajiet u dipartimenti tal-gvern u jekk dan hu minnu, b’liema
kundizzjonijiet se jkunu trasferiti.

Aktar minn hekk, il-UĦM qed tistenna li jkollha tweġiba dwar fuq liema bażi dawn it-trasferimenti qed isiru u liema kriterji ta’ għażla qed jintuzaw.

Intant il-UĦM tistenna li ebda ħaddiem ma jkun sfurzat li jkun trasferit u għaldaqstant il-UĦM qed tistaqsi jekk il-policy addodata mill-Enemalta għal dawn it-trasferimenti hijiex waħda ta’ take it or leave it u jekk hux qed tintuża għal kulħadd l-istess.

Il-UĦM irċeviet ukoll ilmenti li filwaqt li jista’ jkun hemm ħaddiema li jiġu trasferiti f’entitajiet, l-Enemalta qed tagħmel outsourcing ta’ xogħol li sal-lum qed isir mill-istess ħaddiema tagħha. Għaldaqstant il-UĦM qed tistaqsi jekk dan hux minnu u f’liema sezzjonijiet u rwoli dan qed isir jew x’se jsir.

Hi l-intenzjoni tal-UĦM li tissalvagwardja l-ħaddiema membri tagħha fl-Enemalta u fl-ebda ċirkustanza mhu se taċċetta li dawn jiġu diskriminati jew b’xi mod jitilfu kundizzjonijiet tax-xogħol li sal-lum qed jibbenefikaw minnhom.

Il-ħaddiema tal-Enemalta illum jinsabu f’inċertezza kbira u jeħtieġ li dawn il-ħaddiema jkollhom l-informazzjoni ċara fuq il-futur tagħhom.