Lokali

Il-Kap tal-Oppożizzjoni jisfida lill-GWU biex tiddefendi lill-ħaddiema tal-Enemalta

Il-Partit Nazzjonalista qed jisfida lill-General Workers’ Union (GWU) biex tiddefendi lill-ħaddiema tal-Enemalta.

Fi stqarrija, il-PN fisser li wara sentejn sħaħ ta’ raqda twila, dalgħodu, l-General Workers’ Union qamet mir-raqda wara li l-Gvern Laburista ġibdilha l-ispaga biex titkellem.

Fl-istqarrija tagħha, l-General Workers’ Union ma tkellmet xejn dwar dak li qed iħossu l-ħaddiema tal-Enemalta li jħossuhom traduti kemm mill-Union kif ukoll mill-Partit Laburista. Minflok, infexxett f’attakk fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil. Dan kollu għaliex waqt id-dibattitu parlamentari tal-bieraħ, il-Kap tal-Oppożizzjoni staqsa dak li qed jistaqsu l-ħaddiema tal-Enemalta, jigifieri: Fejn hi l-GWU u għaliex għadha ma qalitx “Issa Daqshekk?”

Minkejja li l-ħaddiema tal-Enemalta ilhom jagħmlu l-pressjoni biex il-GWU titkellem f’isimhom, il-Union baqgħet rieqda fl-istess sodda mal-Partit Laburista. Kienet biss issa, għax tkellem il-Kap tal-Oppożizzjoni, li l-Union qamet, u flok qed tiddefendi lill-ħaddiema tal-Enemalta qamet tattakka lill-Kap tal-Oppożizzjoni talli qed jagħmel hu dak li mhix qed tagħmel hi.

Għaldaqstant il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qed jisfida pubblikament lill-GWU biex tiddefendi lill-ħaddiema tal-Enemalta. Fl-istess ħin, il-Kap tal-Oppożizzjoni qiegħed ukoll jisfida lill-GWU tiddikjara xi flus qed iddaħħal mill-Gvern u mill-awtoritajiet pubbliċi għal użu ta’ proprjetà tagħha. Il-ħaddiema, li huma membri tagħha, għandhom kull dritt ikunu jafu x’tip ta’ relazzjoni hemm bejn il-GWU u l-Gvern.

Il-Partit Nazzjonalista żied li se jkompli jkun it-tarka tal-ħaddiema tal-Enemalta li ġew traduti doppjament mill-Gvern Laburista u mill-GWU: l-ewwel għax ġew imwegħda li l-Enemalta ma kinitx se tiġi privatizzata, u t-tieni għaliex kienu ġew imwegħda li t-take home pay tagħhom mhix se tintmiss. Iż-żewġ wegħdiet inkisru u għalhekk il-ħaddiema tal-Enemalta iħossuhom, bir-raġun, traduti.