Fil-Qrati waqt evakwazzjoni minħabba theddida ta’ bomba, kien hemm żewġ Prokuraturi Legali u 71 Avukat jagħmlu l-eżami tal-warrant
Waqt l-evakwazzjoni tal-bini tal-Qorti fil-Belt matul il-ġimgħa li għaddiet minħabba theddida ta’ bomba, Avukati u Prokuraturi Legali li kienu qed jagħmlu l-eżami tal-warrant fl-awla tal-ġurijiet, ipprotestaw għax ħadd minnhom ma ried joħroġ mill-awli u nsistew li jkomplu bl-eżami.
Dan seħħ nhar il-Ħamis tal-ġimgħa l-oħra, 15 ta’ Jannar 2015. Fil-ħin li daħlet it-theddida ta’ bomba, fil-Qrati kien hemm żewġ Prokuraturi Legali u 71 Avukat jagħmlu l-eżami tal-warrant maqsumin f’żewġ Awli.
Dan il-każ tqajjem fil-Parlament f’mistoqsija tax-Shadow Minister Jason Azzopardi, li staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali dwar dan l-inċident fil-bini tal-Qorti.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li dan l-eżami beda fid-9am u kellu jispiċċa f’nofsinhar. Appena daħlet it-theddida ta’ bomba, li kien għall-ħabta tal-10am, ħarġu struzzjonijiet mal-Qrati kollha għall-evakwazzjoni.
Din l-ordni ngħatat ukoll lil dawk li kienu qed jagħmlu l-eżami tal-warrant. Hekk kif ħarget l-ordni lill-Avukati u Prokuraturi Legali sabiex joħorġu mill-Qrati u li konsegwentement l-eżami ġie mħassar, dawn bdew jipprotestaw u assulutament ħadd minnhom ma ried joħroġ mill-awli u nsistew li jkomplu l-eżami.
F’dawn iċ-ċirkustanzi saru l-konsultazzjonijiet neċessarji, u ġie deċiż li dawk li qed jagħmlu l-eżami jiġu infurmati li jekk ikomplu bl-eżami, dan isir taħt ir-responsabbiltà personali tagħhom. Kulhadd aċċetta li jkompli b’din il-kundizzjoni u ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni. L-eżami ġie mtawwal bi kwarta biex ikopri xi ħin mitluf minħabba s-sitwazzjoni li nqalgħet.
Eventwalment, kull min kien qed jagħmel l-eżami ffirma dikjarazzjoni li għalkemm ġie avżat li saret theddida ta’ bomba fil-bini tal-Qrati, minn jeddu għażel li jibqa’ jkompli l-eżami tal-warrant ta’ Avukat jew Prokuratur Legali fl-istess bini tal-Qrati.
//= $special ?>