Lokali

“Issa Daqshekk”

Ġenwinament għandi rispett lejn Tony Zarb, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union. Fost l-oħrajn insellimlu għal dak li għamel fil-ġlieda lix-xogħol prekarjat.

Fil-każ tal-Leisure Clothing (factory) Limited svelat mill-media tal-Partit Nazzjonalista f’Ottubru li għadda sibt minnu appoġġ u sostenn. Stqarr miegħi li fil-ġlieda lill-prekarjat, lit-traffikar ta’ persuni umani u lill-abbużi fil-post tax-xogħol m’għandna nħarsu lejn wiċċ ħadd – hu min hu. Tul l-investigazzjonijiet dwar dak il-każ hekk għamilna.

Illum nixtieq lil Tony Zarb u lill-General Workers’ Union jitkellmu wkoll dwar l-isfruttament tal-ħaddiem Malti b’mod inġenerali meta dawn jixtru d-diesel jew il-petrol u jkollhom iħallsu flus ferm ogħla minn popli f’pajjiżi oħrajn.

Dan mhux ukoll sfruttament tal-ħaddiem Malti? Dan mhux ukoll tnaqqir akbar tal-ħobżna ta’ kuljum tal-ħaddiem Malti meta fil-verità ħaddiema oħra f’pajjiżi oħra Ewropej qed iħallsu ferm inqas milli nħallsu aħna l-ħaddiema Maltin? Li l-ħaddiem Malti, minħabba li jkollu jħallas prezz ħafna ogħla għad-diesel jew il-petrol, ikollu inqas flus fil-but x’jonfoq mhux sfruttar?

Dan kollu jfakkarni fil-famuża “Issa Daqshekk” li Tony Zarb u sħabu kienu nhedew lura fl-2000 b’rabta mal-miżuri li l-Gvern Nazzjonalista ta’ dakinhar kien nieda. Kienet kampanja qawwija mifruxa fuq bosta ġimgħat. Saħansitra bi protesti fit-toroq. Dakinhar il-GWU kienet issemma leħinha b’vuċi soda u għolja.

U llum? Fejn hi l-GWU? X’sar minnha l-GWU? X’vuċi qed issemma’ dwar il-prezz għoli li qed ikollhom iħallsu għalih il-Maltin u l-Għawdxin biex jixtru d-diesel u l-petrol?

Quddiem dak li qed jagħmel il-Gvern Laburista fil-bejgħ tad-diesel u l-petrol Tony Zarb ma jaħsibx li għandu jsemma leħnu u b’qawwa jgħid: “Issa Daqshekk”?

Fil-Kunsilli Lokali iva, fir-Referendum le …
L-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u r-Referendum dwar il-Kaċċa fir-Rebbiegħa huma skedati għall-11 ta’ April. Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li se jkunu qed isiru grazzi għall-insistenza u l-ħidma li wettqet l-Oppożizzjoni Nazzjonalista għaliex li kien għall-Gvern Laburista dawn l-elezzjonijiet jinqabżu.

Hu pass fid-direzzjoni t-tajba – u għall-ewwel darba fl-istorja f’pajjiżna – f’dawn l-elezzjonijiet se jivvutaw ukoll iż-żgħażagħ ta’ bejn is-sittax u s-sbatax-il sena. B’kollox madwar 10,000 żagħżugħ u żagħżugħa.

Iżda filwaqt li dawn iż-żgħażagħ se jkunu jistgħu jesprimu l-opinjoni tagħhom fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, ma ngħatawx l-istess opportunità li jesprimu l-fehma tagħha fir-Referendum dwar il-Kaċċa fir-Rebbiegħa!

Għaliex? Għaliex daqstant żgħażagħ se jkunu mċaħħda minn dan id-dritt? X’qed ibeżża’ lill-Gvern milli jħalli liż-żgħażagħ ta’ bejn is-sittax u s-sbatax-il sena milli jesprimu l-veduti tagħhom f’dan ir-Referendum ukoll?

Jewwilla jekk il-pajjiż qabel li dawn iż-żgħażagħ għandhom jitħallew jivvutaw għall-Kunsilli Lokali biex ikollhom vuċi diretta fl-għażla tar-rappreżentanti tagħhom, m’għandhomx jitħallew ukoll jipparteċipaw f’dan ir-Referendum li jolqot direttament lis-soċjetà Maltija bħall-kumplament tal-elettorat?

Lil dan il-Gvern bosta drabi ma nifhmux!

Ma nistgħux indawru wiċċna
Quddiem dak li qed jiġri fin-Niġerja ma nistgħux nibqgħu passivi. L-atroċitajiet li qed naqraw u nisimgħu dwarhom minn dan il-pajjiż huma tat-twerwir. Ikun żball jekk xi ħadd jirraġuna li jista’ jdawwar ħarstu lil hinn għax dawn l-affarijiet qed isiru f’pajjiż imbiegħed.

Ħutna fin-Niġerja għandhom kull dritt għal għajxien dinjituż. Għandhom kull dritt li jitħallew jgħixu ħajja kwieta u fil-paċi. Għandhom kull dritt li jitħallew jipprattikaw ir-reliġjon u t-tagħlim li jemmnu fih.

Boko Haram sar isem li jfisser qerda kbira u biża’. Jekk il-Gvern fin-Niġerja u l-forzi tal-ordni fin-Niġerja m’humiex kapaċi jikkumbattu lil dan il-fenomenu li ħalla ssagrifikati għexieren ta’ eluf ta’ persuni, allura l-komunità internazzjonali m’għadhiex tibqa’ indifferenti.

Ippermettuli nistaqsi: X’inhi tagħmel b’mod konkret in-Nazzjonijiet Uniti quddiem dan il-flaġell ta’ tant nies? X’għajnuna effettiva qed twassal in-Nazzjonijiet Uniti lill-poplu mmassakrat fin-Niġerja? B’mod tanġibbli u lil hinn mill-istudji, il-konferenzi u s-summits, in-Nazzjonijiet Uniti x’differenza qed tagħmel għal dawk li għaddejjin minn tbatijiet kbar fin-Niġerja?

Malta wkoll għandha vuċi fin-Nazzjonijiet Uniti u quddiem atroċitajiet bħal dawn m’għandhiex tiddejjaq iġġib ‘il quddiem ħeġġa ta’ veru biex popli bħal dawn fin-Niġerja jingħataw l-għajnuna li għandhom bżonn… biex tal-inqas ikollhom il-mezzi meħtieġa ħalli jiġġieldu lill-oppressjoni ta’ min qed joqtolhom u jżeblagħhom.

Malta, veru ċkejkna, m’għandha qatt tieqaf milli tkun xprun favur il-ħarsien tad-drittijiet ta’ kull poplu… hu fejn hu u hu ta’ liema twemmin u kulur hu.