Kienu tliet kelmiet sempliċi li rriflettew il-ħsieb profond ta’ dak il-ħin, meta d-dinja kienet għadha ssummata bl-aħħar dagħdigħa ta’ mewt u terroriżmu f’isem l-Iżlam.
‘Je Suis Charlie’ – jew aħjar ‘Jiena Charlie’ – huma kelmiet li jissimbolizzaw il-ġlieda għall-espressjoni ħielsa. Intant, it-tifsira tagħhom sar għandha sinifikat globali mindu żewġ ġiħadisti (militanti fundamentalisti) daħlu fl-uffiċini tal-ġurnal satiriku ‘Charlie Hebdo’, f’Pariġi, u qatlu kiesaħ u biered lil 12-il membru tal-istaff fi sparatura.
Ir-raġuni għall-massakru kienet dovuta għall-karikaturi dwar il-Profeta Mohammad, il-fundatur tal-Iżlam, li kienu pubblikati fil-ħarġiet preċedenti ta’ ‘Charlie Hebdo’.
Iżda waqt li l-attakk serva daqslikieku ‘biljun kumment’ dwar it-theddida terroristika għall-Ewropa, Joachim Roncin, graphic designer mal-ġurnal ‘Stylist’ li ħareġ bil-hashtag ‘Je Suis Charlie’, qed jipprova jipproteġi, legalment, din il-frażi milli tisfa vittma tal-kummerċjaliżmu.
Xi wħud naqsu s-sinifikat tal-frażi
Il-kliem ‘Je Suis Charlie’ sar l-ispunt għall-opportunisti li jridu jagħmlu l-flus ‘minn fuq dahar it-traġedja’. Dan meta l-frażi qed tiddomina d-diskors ta’ kuljum fil-pajjiżi u dan il-kliem imqanqal – reazzjoni naturali għall-qtil bla sens – qed ikun stampat u pubblikat fuq kollox, minn mugs tal-kafè għal flokkijiet.
L-Uffiċċju fi Franza li jagħti d-dritt esklussiv lill-manifatturi biex ibigħu prodott speċifiku għal ammont ta’ żmien stabbilit diġà rrifjuta iktar minn 120 applikazzjoni biex jintuża l-kliem ‘Je Suis Charlie’ bħala ‘promozzjoni tal-oġġett’. Fil-fatt, kien hemm ukoll applikazzjonijiet (rifjutati) biex is-slogan inkwistjoni jintuża għall-bejgħ tal-armi.
Roncin, sadanittant, ma jniżżilx il-fatt li l-frażi tiegħu qed tintuża għal skop kummerċjali u jħossu mweġġa’ talli n-nies iridu jagħmlu l-flus minn traġedja.
Hu kompla li l-aġir ta’ ċerti intraprendituri qed inaqqas mill-valur u s-sinifikat tal-frażi li, fuq kollox, għandha tissimbolizza determinazzjoni għat-tisħiħ tad-demokrazija u l-libertà.
Sadanittant, il-kopji tal-ewwel edizzjoni ta’ ‘Charlie Hebdo’ li kienet stampata wara d-dmija, dehru wkoll fuq eBay bl-iskop li jinbiegħu għal eluf tal-ewro. Madankollu, il-websajt ħabbret li, f’dan il-każ, wieħed għandu jgħaddi kwalunkwe qligħ lill-ġurnal satiriku Franċiż.
//= $special ?>