Qorti

Kurt Farrugia u Charlon Gouder jinstabu ħatja ta’ malafama

Il-Qorti tal-Maġistrati ordnat lill-eks Editur tal-media Laburista Kurt Farrugia u lill-eks ġurnalist Charlon Gouder biex bejniethom iħallsu kumpens ta’ €2,000 lill-eks Sindku ta’ San Pawl il-Baħar Graziella Galea. Dan wara li l-Qorti sabithom ħatja li mmalafamawha b’aħbar li xxandret fuq l-istazzjon Labursta fit-28 u fid-29 ta’ Frar 2012.

Il-Perit Galea, li tiġi bint id-Deputat Speaker Ċensu Galea u li serviet bħala Sindku bejn l-1 ta’ April 2008 u l-31 ta’ Marzu 2012, ingħatat raġun wara li kienet bdiet proċeduri ta’ kawża ta’ libell għad-danni wara li ħassitha malafata mill-aħbar li ħarġet fi żmien il-kampanja elettorali tal-Kunsilli Lokali.

Fl-aħbar kien ingħad li waqt laqgħa tal-Kunsill li saret fid-29 ta’ Ottubru 2009, fi żmien meta l-Perit Galea kienet is-Sindku, hi naqset milli tiddikjara li kellha kunflitt ta’ interess fl-għoti ta’ kuntratt relatat ma’ skart domestiku u anke vvutat biex dan jingħata liz-ziju tar-rispett tagħha.

Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Maġistrat Francesco Depasquale qal li mix-xhieda li ssejħu fil-kawża jirriżulta li fil-fatt hi ddikjarat li kellha kunflitt ta’ interess peress li waħda mill-kumpaniji li tefgħet l-offerta kienet ta’ Joe Vella, li jiġi r-raġel ta’ oħt ommha.

Il-Maġistrat Depasquale rrimarka kif Farrugia u Gouder, illum wieħed Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern u l-ieħor imexxi s-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari José Herrera rispettivament, naqsu mid-dover tagħhom meta allegaw fatti malafamanti. Għalhekk, ikkundannathom iħallsu €2,000 lil Graziella Galea.

L-Avukat Joseph Zammit Maempel deher għall-Perit Graziella Galea, filwaqt li għal Farrugia u Gouder deher l-Avukat Pawlu Lia.