Lokali Parlament

Statistika uffiċjali tal-UE tmeri lil Muscat fuq il-prezzijiet tad-diesel u petrol

Wara li ilbieraħ fil-Parlament il-Prim Ministru Joseph Muscat sfida lill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil biex isemmi pajjiż Ewropew fejn id-diesel huwa 94ċ u biex jikkwota statistika uffiċjali, l-Unjoni Ewropeja llum ippublikat lista aġġornata tal-prezzijiet tad-diesel u l-petrol fil-pajjiżi Ewropej. Minn din jirriżulta li fil-Polonja, il-prezz tad-diesel hu 94ċ kull litru, filwaqt li tal-petrol hu 92ċ għal kull litru.

F’anqas minn 24 siegħa minn meta Muscat sfida fil-Parlament biex xi ħadd isemmi pajjiż wieħed fejn il-prezz tad-diesel hu 94ċ, kienet l-UE stess li semmietlu pajjiż fejn id-diesel qed jinbiegħ b’dan il-prezz tant baxx. Dan ifisser li l-familji u n-negozji Maltin qed iħallsu 41ċ aktar għal kull litru diesel u 50ċ aktar għal kull litru petrol milli qed iħallsu l-Pollakki.

Fi stqarrija f’isem ix-Shadow Minister għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Infrastruttura Marthese Portelli, il-Partit Nazzjonalista reġa’ insista biex il-Gvern iraħħas b’mod immedjat il-prezz tad-diesel u l-petrol. Din l-istatistika tal-UE, li ħarġet fl-aħħar sigħat, terġa’ tikkonferma li s-sit elettroniku www.dieselupetrol.com qed jikxef l-ingann tal-Gvern immexxi minn Muscat.