Lokali

Tallaba Bulgari jammettu li ttallbu fit-toroq ta’ Tas-Sliema

Żewġ tfajliet Bulgari ammettew quddiem il-Maġistrat Anthony Vella li nhar l-Erbgħa li għaddew kienu qegħdin jittallbu fit-toroq ta’ tas-Sliema. Huwa kienu mixlijin li għexu ħajja ta’ għass u vagabondaġġ u li f’post pubbliku mmolestaw in-nies biex jitolbu l-karita’.

Elena Varbanova ta’ 20 sena u Paska Stancheva ta’ 23 sena ġew illiberati bil-kundizzjoni li ma jagħmlux reat ieħor fi żmien xahar.

Huma qalu fil-Qorti li kienu mwegħdin minn xi ħadd li kienu se jingħataw xogħol f’Malta u meta suppost kellhom jiltaqgħu ma persuna f’Malta, huma spiċċaw ingannati għax ma ltaqgħu ma’ ħadd.

Kien għalhekk li spiċċaw jittallbu biex iħallsu għall-akkomodazzjoni. Għalihom deher l-Avukat tal-Għajnuna Legali Anthony Cutajar filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jason Francis Sultana.

Fil-ġimgħat li għaddew maltarightnow.com ippubblika ritratti ta’ persuni li kienu qed jittallbu.