Bdiet il-kumplikazzjoni tal-provi b’rabta mat-traġedja li seħħet f’Għawdex fl-ewwel sigħat tal-ewwel jum tas-sena, li fiha tilef ħajtu ż-żagħżugħ Matthew Meilak ta’ 22 sena mis-Swieqi.
Fil-Qorti t’Għawdex, quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli, bdew jixhdu uffiċjali tal-Pulizija. Terence Tanti, ta’ 22 sena minn San Ġwann, li kien is-sewwieq fil-ħin tal-inċident, qed jiġi mixli bil-qtil involontarju ta’ Matthew Meilak. L-inċident kien seħħ fit-triq li tagħti min-Nadur għar-Rabat, fil-post magħruf bħala Ta’ Xħajma. Tanti qed jiġi mixli wkoll li kien qed isuq taħt l-influwenza tal-alkoħol.
Mix-xhieda tal-Pulizija ħareġ li Alexander Scerri, il-passiġġier li kien riekeb fuq quddiem tal-karozza Peugeot 106, kien l-unika wieħed li kien qal lill-Pulizija li l-karozza marret minn wara qabel seħħet il-ħabta. It-tliet żgħażagħ l-oħra ma jafu xejn x’kien seħħ fis-sigħat bikrin tal-ewwel tas-sena.
L-Ispettur Bernard Spiteri, fil-Qorti, xehed li meta mar fuq il-post tal-inċident, għall-ħabta tal-3.45am, mal-art quddiem il-karozza kien hemm il-persuna ta’ Matthew Meilak, li oriġinarjament kien riekeb wara x-xufier. Qal li Meilak ma kienx qed jagħmel movimenti u deher li kien mejjet. It-tabib Coronato Grech, li mar fuq il-post, iċċerfikah mejjet.
Xehed ukoll li kien hemm ukoll żewġt irġiel fuq il-post li ma kellhomx x’jaqsmu mal-inċident u kienu fil-post biex jagħtu l-għajnuna. Ix-xhud qal li fil-karozza kien hemm maqbud Miguel Camilleri u li kellha tiċċarrat bieba tal-karozza biex inħareġ minnha. Fl-isptar, Camilleri kien ġie ċċertifikat li kellu ġrieħi gravi u nżamm għal aktar osservazzjoni. Il-passiġġieri l-oħra ma kellhom xejn imma xorta waħda ttieħdu l-isptar biex jiġu ttrattati għal xokk.
L-Ispettur Spiteri qal li l-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri ġiet infurmata b’li kien seħħ. Kompla jgħid li peress li kien hemm suspett ta’ influwenza tal-alkoħol, lill-akkużat sarulu t-testijiet meħtieġa.
Dwar id-dinamika tal-inċident, Spiteri qal li wara lil-karozza ħabtet mal-ħajt, reġgħet spiċċat f’postha. Il-karozza ġarrbet ħsarat kbar.
Xehed ukoll is-Surġent Jason Xerri, li wkoll mar fuq il-post tal-inċident. Qal li l-karozza kienet qed tħares fid-direzzjoni tar-Rabat, wara li din dehret li kienet ħabtet ma’ ħajt u ma’ arblu tad-dawl. Qal li hu kien kellem lil Edward Cole, passiġġier ieħor li kien fil-karozza fin-nofs fuq wara, li qallu li ma kienx jaf x’kien x’ġara. Kellem ukoll lil Tanti fejn dak il-ħin kien qallu li ma kienx jaf x’ġara. Xehed ukoll li fil-karozza oriġinarjament kien hemm ħamsa min-nies, iżda kien hemm ċertu Alex li kien nieqes.
Is-Surġent Xerri qal li kien kellem ukoll lil ċertu Fabrizio Azzopardi u Chris Merceica li ma rawx l-inċident isir, iżda kienu waqfu biex jagħtu l-għajnuna liż-żgħażagħ. Komplja jgħid li kienu marru wkoll tal-Protezzjoni Ċivili biex jaqilgħu lil Miguel Camilleri. Ix-xhud qal li eventwalment kien irnexxielhom jagħmlu kuntratt ma’ Alexander Scerri, il-passiġġier li kien riekeb fuq quddiem, u li dan qallu li meta waslu fil-kisra, il-karozza marret minn wara għal quddiem u fuq il-lemin. Scerri qal lill-Pulizija li kien f’xokk kbir u dak il-ħin iddeċieda li joħroġ mill-karozza u jitlaq.
Taħt kontro-eżami, mill-Avukat Joseph Giglio, ħareġ li l-arblu tad-dawl li kellu jitneħħa mill-ħaddiema tal-Enemalta, kien fuq il-kareġġjata l-oħra tat-triq. Ix-xhud qal li meta kellem lill-akkużat, dan qallu li kien għaddej bil-50 kilometru fis-siegħa u għal xi raġuni r-roti tilfu l-grip u spiċċa mal-ħajt.
Dwar il-pożizzjoni tal-arblu tad-dawl u jekk dan setax ikun ta’ periklu, is-Surġent Xerri kkonferma li ma kellux guard rail jew padding iżda li fis-seba’ snin li ilu xogħol hemm, qatt ma kellu xi każ ta’ kolliżjoni.
Huwa qal li x’ħin mar fuq il-post, l-art kienet niexfa u ma kinitx nieżla xita. Qal ukoll li kien wieħed mill-aktar iljieli kesħin fl-aħħar snin iżda qal ukoll li ma ċċekkjax jekk setax kien hemm żlieq mal-art.
Xehed ukoll foreman tal-Enemalta, Mario Pavia, li qal li mar fuq il-post biex jiskonnettja l-arblu tad-dawl. Qal li l-arblu kellu daqqa u l-lampa tiegħu kienet mal-art u mkissra. Pavia qal li l-arblu kien ilu fil-post madwar 20 sena, iżda ma jiftakarx jekk kienx seħħ xi inċident simili fuq il-post kemm ilu jaħdem mal-Enemalta.
Il-kawża tkompli fis-6 ta’ Frar li ġej.
//= $special ?>