Kulmin dalgħodu segwa l-programm TVAM fuq l-istazzjon nazzjonali, ra li wieħed mill-mistednin kien il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Soċjali (FSWS) Alfred Grixti, seta’ jimmaġina li dan kien se jiġi mistoqsi dwar id-deċiżjoni tat-tneħħija ta’ John Role’ minn Team Leader tal-Fostering.
Id-deċiżjoni ttieħdet nhar it-Tnejn li għadda, u l-Gvern kellu jreġġa’ d-deċiżjoni tiegħu wara l-pressjoni kbira li saret mill-pubbliku, kif ukoll mill-Oppożizzjoni.
Skont il-Ministru Michael Farrugia, id-deċiżjoni ttieħdet mill-Appoġġ u mhux minnu. Ma’ din id-dikjarazzjoni, il-ġurnal The Times prova jieħu r-reazzjoni tas-Sur Alfred Grixti dwar id-deċiżjoni li John Role’ jitneħħa mill-kariga.
Dalgħodu, malli Alfred Grixti deher fl-istudios ta’ TVAM, kulħadd stenna li l-ewwel mistoqsija għandha tkun dwar id-deċiżjoni tat-tneħħija ta’ John Role. Iżda minkejja li l-intervista li saret minn Norma Saliba damet kważi 10 minuti, fl-ebda ħin ma ssemmiet id-deċiżjoni, li skont il-Ministru Farrugia, ttieħdet mill-istess Fondazzjoni.
Bosta kummentaturi nnotaw li huwa ironiku li filwaqt li wieħed mill-ġurnali ewlenin fil-faċċata ta’ quddiem tiegħu kellu miktub il-fatt li ma setax jagħmel kuntatt ma’ Alfred Grixti biex jistaqsih dwar John Role’, f’10 minuti intervista fuq l-istazzjon nazzjonali, ma ssemma xejn dwar dan – daqs li kieku l-kontroversja dwar it-tneħħija ta’ John Role’ ma eżistietx.
//= $special ?>


