Żagħżugħ ta’ 24 sena minn Ħaż-Żabbar ġie ordnat jagħmel 100 siegħa ta’ xogħol fil-komunità wara li ammetta li flimkien ma’ żewġ persuni oħrajn seraq soft toys lill-Girl Guides tal-Fgura. Hu ngħata wkoll sentenza sospiża ta’ ħabs.
Iż-Żagħżugħ u ż-żewġ akkużati l-oħrajn kienu mixlijin mill-Ispettur Spiridione Zammit li fit-2 ta’ Mejju 2009, għall-ħabta tal-10pm u l-ħinijiet ta’ wara, serqu wkoll stationery, kaxxa tal-First Aid, torċijiet u aċċessorji oħrajn mill-Kwartieri tal-Girl Guides fil-Fgura.
Huma kienu mixlijin ukoll li kkaġunaw ħsara fil-post b’dannu għall-Girl Guides tal-Fgura u l-Kunsill Lokali tal-Fgura, kif ukoll f’vann ta’ sid mhux magħruf. Mizzi waħdu kien akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Maġistrat Antonio Micallef Trigona fit-22 ta’ Settembru 2008 u li sar reċidiv wara li kiser sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati.
Iż-żagħżugħ ammetta l-akkużi miġjubin kontrih u fis-sentenza tagħha l-Maġistrat Marseann Farrugia kkunsidrat fost oħrajn li hu ħallas lura terz tad-danni għall-bieb tal-Kunsill Lokali tal-Fgura, fejn huma allokati l-Girl Guides, iżda mhux il-€100 mit-€300 fi ħsarat li sofrew il-Girl Guides.
Il-Maġistrat Farrugia kkunsidrat ukoll li l-akkużat wettaq ir-reat meta kellu 19-il sena u li mir-rapport ta’ qabel is-sentenza jirriżulta li għadda minn żmien xi ftit “turbolenti” waqt l-adoloxxenza tiegħu. Madankollu, illum jiddispjaċih, qata’ l-kumpanija ħażina li kellu, għandu xogħol stabbli u integra fis-soċjetà.
Iżda minħabba li l-imputat hu ħati wkoll li kiser ordni ta’ libertà kundizzjonata u li għamel reat waqt il-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża, il-Qorti ordnatlu jagħmel 100 siegħa xogħol fil-komunità, filwaqt li rrevokat il-libertà kundizzjonata u kkundannatu għal 10 xhur ħabs sospiżi għal sentejn.
//= $special ?>

