Internazzjonali

17-il sena ħabs kull wieħed għal koppja li kienet tuża ‘maġija sewda’ biex tabbuża sesswalment minn tifla

Koppja ta’ iktar minn 60 sena ntbagħtu 17-il sena ħabs kull wieħed f’Wales wara li l-Qorti qatgħetha li kienu ħatja li kienu jużaw il-‘maġija s-sewda’ biex ikkonvinċew tifla ta’ 11-il sena tieħu sehem f’atti sesswali fejn kienet tiġi abbużata u stuprata. Lit-tifla kien ukoll jitteħdilha d-demm.

Il-każ tfeġġ ftit ilu għalkemm seħħ bejn l-1972 u l-1975, meta l-vittma, li llum għandha iktar minn 50 sena, kienet tifla tal-iskola. Minkejja li kien ilu iktar minn 40 sena midfun fil-memorja tal-vittma, ħareġ dan l-aħħar meta l-mara kienet qed issegwi counselling għal dipressjoni li tfaċċatilha fl-2011.

Il-Qorti semgħet kif Carolee Hickman, ta’ 64 sena kienet thedded lit-tifla, li kienet tkun f’darha, li jekk ma tagħmilx kif tgħidilha kienet se tuża l-maġija biex toqtol lil ommha li kienet marida bil-kanċer. Carolee kienet impressjonat lit-tifla li hi kienet saħħara u kellha setgħat maġiċi.

Fost l-ordnijiet tal-mara kien hemm li kienet taqta’ s-subgħa l-kbir tat-tifla biex minnu ssoff id-demm, torbot lit-tifla biex żewġha Albert, illum ta’ 65 sena, jieħu sehem f’atti żienja magħha nkluż li jistrupraha b’mod vjolenti waqt li martu tara x-xena. Dan kollu seħħ kull ġimgħa għal perjodu ta’ madwar sena, meta t-tifla kienet taħrab mill-iskola flimkien ma’ sħabha.

Il-vittma rrakkuntat kif ħajjitha spiċċat inqerdet f’idejn dawn it-tnejn min-nies kattivi. Qalet ukoll li l-koppja Hickman kienu jagħtu lilha u lil sħabha, slaleb pagani biex jilbsuhom qabel ‘jixtruhom’ b’sigaretti u alkoħol. Il-mara kienet ukoll tilbes kappa sewda u ‘taqra x-xorti’ tat-tfal minn karti apposta.

Fil-Qorti, il-vittma rrakkuntat ukoll kif lura fis-snin kienet marret tirrapporta dak li kienet għaddiet minnu lill-Pulizija li madankollu ma kinux emmnuha għax ħasbu li mara miżżewġa ma setgħetx tagħmel dak li kienet qed tallega t-tifla dak iż-żmien.

Ingħad ukoll li Albert Hickman, fl-1982, kien stupra tilfa oħra u kien intbagħat 10 snin ħabs waqt li martu kienet intbagħtet 5 snin ħabs għax kienet kompliċi. Fl-għoti tas-sentenza, l-Imħallef ikkundanna l-fatt li l-akkużi tat-tifla lura fis-snin ma kienux ittieħdu bis-serjetà u qal li dawn setgħu evitaw abbuż ieħor fuq tifla oħra fl-1982.