Internazzjonali

30 terremot dalgħodu fl-Italja: l-ikbar theżżiża ta’ 4.1

Fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu seħħew almenu 30 theżżiża fiż-żona tal-muntanji bejn ir-reġjuni tat-Toskana u l-Emilia Romagna fl-Italja.

L-ikbar theżżiża, ta’ 4.1 fuq l-iskala Richter ftit qabel it-8.00am, inħasset saħansitra f’Bologna li tinsab madwar 60 kilometru ’l bogħod. L-epiċentru seħħ ftit iktar minn 9 kilometru taħt wiċċ l-art.
B’xorti tajba ma weġġa’ ħadd u ma ġiet irreġistrata ebda ħsara għalkemm fejn seħħet l-ikbar theżżiża, fl-inħawi tar-raħal żgħir Castiglione dei Pepoli, l-iskejjel ma fetħux.

L-aħħar terremot qawwi li sofriet din in-naħa tal-Italja kien f’Mejju tal-2012 meta l-ikbar theżżiża kienet laħħqet 5.9 fuq l-iskala Richter. Dakinhar kienu mietu 28 ruħ u kienu weġġgħu 300 persuna oħra.