Internazzjonali

Appell biex ‘ma nħalltux it-terroristi mal-immigranti’

Il-Ministru Taljan għall-Affarijiet Barranin ma jeskludix li l-eluf tal-immigranti li, kull sena, qed jaslu fl-Italja mill-Afrika ta’ Fuq jistgħu jinkludu wkoll it-terroristi.

Madankollu, il-Ministru Paolo Gentiloni enfasizza li wieħed ikunu qed jirraġuna ħażin jekk jqis it-terroriżmu u l-immigrazzjoni daqslikieku ‘l-istess ħaġa’.

Filwaqt li rrefera għall-element ta’ sogru qawwi li t-terroristi jistgħu ‘jinfiltraw’ il-gruppi tal-immigranti, Gentiloni enfasizza li l-awtoritajiet tas-sigurta qed isegwu l-alert xieraq għal azzjoni effettiva, ‘anki jekk it-tħassib ma jbattix’.

Il-kummenti ngħataw waqt laqgħa tas-sigurta f’Londra, fejn il-Ministri għall-Affarijiet Barranin minn 22 pajjiż iddiskutew il-koordinazzjoni tal-miżuri fil-ġlieda kontra t-terroristi tal-grupp Stat Iżlamiku (ISIS) li qed jokkupaw l-artijiet fl-Iraq u s-Sirja.

Fl-istess ħin, id-diskors ta’ Gentiloni qanqal reazzjoni immedjata, bil-Kap tal-Partit Taljan Lega Nord, Matteo Salvini, isejjaħ biex jieqfu l-inizjattivi tas-‘search and rescue’ għall-immigranti fiz-zoni tal-Mediterran.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Gentiloni qal li ‘ma tagħmilx sens it-teorija li t-terroristi armati bil-Kalashnikovs (azzarini) jistgħu qed jinħbew fost l-eluf tal-immigranti ddisprati li qed jaslu l-Italja’.

Madankollu hu spjega li dan ma jeskludix il-fatt li, illum, jeżistu l-elementi ta’ sogru li s-servizzi sigrieti u l-istituzzjonijiet tas-sigurta jafu bihom u li huma attenti għalihom.