Matul is-sena li għaddiet, kien hemm mill-anqas 838,000 karta differenti tal-ewro foloz fiċ-ċirkolazzjoni. Dan hekk kif, fi stqarrija, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ħabbar li dan l-ammont instabu fl-idejn madwar id-dinja, għalkemm il-biża’ hi li hemm ħafna aktar fl-idejn.
Minn dawn jirriżulta li 507,000 karta nstabet fit-tieni nofs tal-2014, b’86% ikunu tal-€20 (60%) u tal-€50 (26%). Issegwu l-karti tal-€100 (8%) u tal-€10 (3%), tal-€200 (1.5%), tal-€5 (1%) u tal-€500 (0.5%).
Il-BĊE qal li fl-aħħar nofs tal-2014 irriżulta li kien hemm żieda (mis-sitt xhur ta’ qabel) fl-ammont ta’ karti tal-€20 misjuba foloz, filwaqt li naqas l-ammont tal-€50. Mil-karti kollha misjuba, 97.5% instabu fil-pajjiżi taż-Żona Ewro, 2% fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea li mhumiex fiż-Żona Ewro u 0.5% f’pajjiżi oħrajn madwar id-dinja.
Biex tevita li anke int tkun vittma ta’ xi karta falza tal-ewro, il-BĊE jappellalek biex tqabbel karta dubjuża ma’ oħra li taf li hi żgur tajba. Jappella biex jekk ikun hemm xi dubji, wieħed għandu jikkuntattja lill-Pulizija jew lill-Bank Ċentrali ta’ Malta.
//= $special ?>