Skont uffiċjali Amerikani, l-azzjonijiet militari mill-ajru qatlu aktar minn 6,000 ġellied tal-ISIS, inkluż nofs it-tmexxija għolja tal-grupp estremista.
L-aġenzija sigrieta Amerikana qed tistma li l-ISIS għandha forza ta’ bejn 9,000 u 18,000 ġellied.
Chuck Hagel, is-Segretarju tad-Difiża Amerikan, ma kkonfermax in-numru eżatt tal-militanti li nqatlu, iżda kkonferma li ‘eluf’ kienu mietu.
Dan irriżulta hekk kif is-Segretarju tal-Istat Amerikan John Kerry qal li forzi Iraqini fuq l-art, appoġġjati minn azzjonijiet mill-ajru tal-koalizzjoni mmexxija mill-Istati Uniti, kisbu lura madwar 700 kilometru kwadru ta’ territorju fl-Iraq mill-ISIS.
Kerry, li kien f’Londra għal laqgħa mal-Prim Ministru David Cameron u mis-Segretarju għall-Affarijiet Barranin Ingliż Philip Hammond, qal li l-ġlieda kontra l-ISIS fis-Sirja se ddum iktar minn dik fl-Iraq.
John Kerry żied li kunsinna kbira ta’ rifles Amerikani tat-tip M16 se jaslu fl-Iraq dalwaqt.
Hagel, li hu veteran tal-gwerra tal-Vjetnam, ukoll qabel li l-gwerra tista’ tieħu fit-tul u xejjen l-importanza tal-aħħar numru ta’ militanti li nqatlu. Hu qal: “Jien ħadt sehem fi gwerra fejn kien hemm ħafna numri ta’ għedewwa li nqatlu kuljum. U spiċċajna biex tlifna l-gwerra!”
//= $special ?>