Internazzjonali

Drones biex jitraffikaw id-droga

Il-Pulizija fil-belt ta’ Tijuana fil-Messiku, qrib il-fruntiera mal-Istati Uniti, qalu li drone li kien mgħobbi b’kunsinna droga, iġġarraf f’sit għall-parkeġġ li jifforma parti minn kumpless ta’ supermarket.
L-inċident seħħ qrib l-aċċess ta’ San Ysidro fejn wieħed jista’ jaqsam għal Kalifornja. L-investigaturi sabu sitt pakketti tad-droga methamphetamine marbutin bit-tape mad-drone li kien qed jitmexxa bir-remote control. Fil-preżent l-awtoritajiet Messikani qed jinvestigaw minn fejn oriġinat it-titjira u min kien qed jikkontrolla d-drone.
Din mhix l-ewwel darba li ntuża drone għat-traffikar tad-droga bejn il-Messiku u l-Istati Uniti, b’impenji oħra ‘innovattivi’ jinkludu movimenti qalb il-mini taħt l-art u trasport ta’ sustanzi illegali b’ajruplani tat-tip ‘ultralight’.