Lokali Parlament

L-insinwazzjoni ta’ familjarità qed issir bi skop malizzjuż

It-tweġiba li rrifjuta b’e-mail laqgħa dwar tender hi unur mhux diżunur

L-eks-Prim Ministru Lawrence Gonzi ddikjara li l-insinwazzjoni ta’ familjarità bejnu u bejn il-familja ta’ George Farrugia qed issir bi skop malizzjuż u jittama li ħadd ma jispiċċa kompliċi f’din il-malizzja.

Lawrence Gonzi għamel dawn id-dikjarazzjonijiet quddiem il-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi meta kien qed jispjega punti ta’ kjarifika u kummenti b’rabta ma’ dak li xehed hu quddiem il-Kumitat, kif ukoll b’rabta ma’ stejjer li kienu ppubblikati fl-aħħar jiem dwar e-mails, u li dwarhom Lawrence Gonzi fisser l-istejjer bħala skandalużi meta ma kinux ippubblikati e-mails oħra importanti marbuta mal-każ.

Lawrence Gonzi saħaq li wara l-insinwazzjonijiet li saru fil-konfront tiegħu marbuta ma’ allegazzjonijiet ta’ familjarità bejnu u l-familja ta’ George Farrugia b’rabta mal-għoti tal-proklama lil George Farrugia, il-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi għandu jisma’ x-xhieda tal-Avukat Ġenerali u tal-eks-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo li kienu ż-żewġ persuni li kienu bis-saħħa favur li tingħata l-proklama. Dan biex jiġi vverifikat dak li qal hu fix-xhieda quddiem il-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi.

Lawrence Gonzi fisser ukoll waqt li kompla jixhed quddiem il-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi, li ladarba l-Kumitat miexi f’din it-triq ta’ insinwazzjonijiet bil-mistoqsijiet li qed isirulu mill-membri tal-Gvern, il-Kumitat ukoll għandu janalizza dawn l-affarijiet strambi marbuta mal-insinwazzjonijiet li saru fil-konfront tiegħu.

Hawnhekk, Lawrence Gonzi qal li seħħew diversi sitwazzjonijiet strambi u semma kif wara l-elezzjoni kellu jirriżenja l-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo; tneħħa wkoll mill-kariga li kien jokkupa l-Assistent Kummissarju Michael Cassar li kien fost l-investigaturi dwar l-allegazzjonijiet fix-xiri taż-żejt u li llum hu Kummissarju tal-Pulizija; inħatar Peter Paul Zammit bħala Kummissarju ġdid li kellu jirriżenja u nħatar Aġent Kummissarju, u li kellu wkoll jirriżenja kif kellu jirriżenja wkoll l-eks-Ministru tal-Pulizija Manwel Mallia; inħatar Ministru ġdid u Kummissarju ġdid Michael Cassar.

Meta irrifera għall-iskambju ta’ e-mails bejnu u bejn Cathy Farrugia li talbet laqgħa miegħu f’isem ir-raġel tagħha dwar issue ta’ żejt, għal liema laqgħa irrifjuta, Lawrence Gonzi qal li dan jagħmillu unur u mhux diżunur.

Fisser ukoll li t-tweġiba tiegħu li rrifjuta li jiltaqa’ ma’ George Farrugia, tifqa’ l-bużżieqa f’wiċċ min irid jitfa’ dubju. Fisser bħala skandaluża u diżgustanti li l-e-mail bit-tweġiba tiegħu li rrifjuta li jiltaqa’ ma’ Farrugia ma tiġix pubblikata fl-istess waqt li saru l-insinwazzjonijiet.

Spjega wkoll li erba’ e-mails f’sitt snin jikkonfermaw li ma kienx hemm familjarità kif insinwat. Ċaħad ukoll li Cathy Farrugia kienet is-Segretarja tiegħu ma’ Mizzi Group.

F’kumment ieħor li għamel Lawrence Gonzi meta kien qiegħed iwieġeb għad-diversi mistoqsijiet tal-membri tal-Gvern, kien li l-erba’ e-mails f’sitt snin ma jiddiskrevux familjarità, iżda r-relazzjoni ta’ klijent ma’ avukat li wara jsir Ministru, hi familjarità.

Fisser ukoll li minn riċerka li għamel, bejn l-2006 u l-2013 irċieva 96,433 messaġġ u wieġeb 46,086 messaġġ bl-e-mail.

Spjega wkoll li ma kienx qed jgħid li ma kienx jaf lil Cathy Farrugia, iżda li ma kellux familjarità mal-persuna.

B’rabta mat-talba li saret fl-e-mail u li s-suġġett tal-laqgħa kienet dwar tender, Lawrence Gonzi qal li hu bħala Prim Ministru ma ltaqa’ u ma kien jiltaqa’ ma’ ħadd dwar tender. Fl-e-mail, qal lil George Farrugia biex jinfurmah f’każ li jiltaqa’ ma irregolaritajiet f’xi proċess ta’ tender, u jirreferi l-każ ukoll lill-awtoritajiet kompetenti.

George Farrugia, f’risposta għall-e-mail li fiha ġiet irrifjutata l-laqgħa, wieġeb li jirrispetta l-pożizzjoni li ħa.

Għal aktar mistoqsijiet tal-membri tal-Gvern, l-eks-Prim Ministru Lawrence Gonzi qal li hu qatt ma ltaqa’ ma’ George Farrugia u ltaqa’ biss miegħu meta George Farrugia mar ikellmu waqt open day fil-Park tal-Avjazzjoni u ġie biex jieħu ritratt miegħu. Lawrence Gonzi qal li dakinhar ma kienx jaf min hu dak li kien qed jieħu r-ritratt miegħu għaliex ma kellux konoxxenza tiegħu.

Lawrence Gonzi nsista wkoll mal-membri tal-Gvern għad-diversi mistoqsijiet li sarulu, li hu għandu dritt iwieġeb b’kummenti politiċi għaliex il-mistoqsijiet qed isiru f’ambjent politiku. Staqsa wkoll jekk il-membri tal-Gvern fil-Kumitat Parlamentari hux qed jimxu bir-regoli tal-Qorti hekk kif irrimarka li hu inġust li qed jitwaqqaf milli jagħmel kummenti politiċi fit-tweġibiet tiegħu.