Għandna Gvern perikoluż. Għandna Gvern li jipprova jaħbi dak li ma jogħġbux. Għandna Gvern li jagħti l-ġenb lil min mhux tal-qalba. Għandna Gvern bla kuxjenza soċjali. Għandna Gvern li l-aġenda tiegħu hi bażata fuq x’jaqbel lilu direttament.
Meta nikteb hekk m’hux qed inkun partiġġjan. Imma qed inkun fattwali. Staqsu lill-ħaddiema tal-Enemalta jekk għadhomx b’rashom mistrieħa. Staqsu lill-ħaddiema tal-AirMalta jekk għadhomx trankwilli. Staqsu lill-ħaddiema li jaħdmu fiċ-Ċivil jekk humiex ħielsa jgħidu dak li jaħsbu fil-post tax-xogħol tagħhom.
Niftakar żminijiet koroh lura fis-snin sebgħin u fis-snin tmenin li kont tibża’ tidħol tixtri l-ġurnal In-Nazzjon jew il-gazzetta il-mument għax jekk xi ħadd jarak bihom kont tkun qed tissogra li taqla’ xi transfer vendikattiv jew xi azzjoni ħażina. F’dawk is-snin mudlama pajjiżna kien għex żminijiet tassew koroh.
Jien niftakarhom tajjeb ħafna. Jien għext dawk is-snin ta’ abbiss. Inċidentalment dawk kienu snin ta’ Gvern immexxi mill-Partit Laburista.
Kont naħseb li wara 25 sena ta’ tmexxija minn Gvern Nazzjonalista li dawk is-snin koroh ma jerġgħu jiġu qatt fuq pajjiżna. Kont nemmen li dawk is-snin suwed ta’ intimidazzjoni u vendikazzjonijiet kienu biss parti mill-istorja ta’ pajjiżna. Kont konvint li pajjiżna, issa membru tal-Unjoni Ewropea, kien ħareġ minn dik il-mentalità ferm perikoluża. Kont aktar minn ċert li wara dawk is-snin kollha koroh il-Partit Laburista kien tnaddaf minn ħafna elementi perikolużi u li issa kien inbidel u tbiddel kemm fl-aġir kif ukoll fil-mod kif jagħmel il-politika.
Ikolli nammetti llum li dawk ix-xewqat tiegħi kienu biss xewqat fiergħa. Ikolli nammetti llum li dawk il-ħolmiet tiegħi ta’ Partit Laburista mibdul, kienu biss ħolmiet u xejn aktar. Għax il-Partit Laburista fil-Gvern matul dawn it-22 xahar wera biċ-ċar li ma nbidilx. Anzi, biex inkun aktar preċiż, mhux talli ma nbidilx, iżda talli qiegħed jagħmel l-istess ħniżrijiet tas-snin sebgħin u tas-snin tmenin.
Staqsu ftit lil ħafna membri tal-Korp tal-Pulizija biex jgħidulkom minn xix għaddew matul dawn it-22 xahar… transfers vendikattivi, tal-qalba aġevolati…
Staqsu ftit lil ħafna membri tal-Forzi Armati ta’ Malta biex jgħidulkom minn xix għaddew matul dawn it-22 xahar… transfers vendikattivi, promozzjonijiet ripetuti għal tal-qalba…
Staqsu ftit lill-ħaddiema fid-Dipartimenti Governattivi, fl-Aġenziji tal-Gvern, fl-Awtoritajiet u fil-Korporazzjonijiet tal-Gvern… kullimkien l-istess storja… storja ripetuta ta’ aġevolament għal dawk tal-qalba u lil dawk b’timbru blu jagħmlulhom ħajjithom infern!
Dan hu l-Gvern iffurmat mill-Partit Laburista. Dan hu l-Gvern immexxi minn Joseph Muscat li qabel l-Elezzjoni Ġenerali ta’ 22 xahar ilu kien jitkellem tant dwar il-ħtieġa ta’ nazzjon wieħed, ta’ poplu wieħed u ta’ Malta Tagħna Lkoll. Kollu kliem fieragħ. Kollu kliem immirat biex jisraq il-voti tan-nies. Logħba fuq l-emozzjonijiet tan-nies. Ingann mill-bidu sal-aħħar.
Diġà ktibtha u nerġa’ ntenniha… Joseph Musdat ta’ qabel l-Elezzjoni Ġenerali mhux l-istess Joseph Muscat tal-lum!
John Rolè
Il-każ John Rolè semgħu bih ħafna. Għax kien qiegħed jagħmel xogħol mill-aqwa fl-Aġenzija Appoġġ fejn kien jokkupa l-irwol ta’ foster care team leader, xi ħadd tah f’għajnu u ddeċieda li ‘jippremjah’ bi transfer vendikattiv għal x’imkien ieħor.
Hekk jaħdem il-Gvern ta’ Joseph Muscat. Hekk jaħdem il-Gvern ta’ Malta Tagħna Lkoll. Hekk jaħdem il-Partit Laburista li minkejja li jgħaddu s-snin jibqa’ ma jinbidilx. Jibqa’ perikoluż.
Grazzi għall-pressjoni pubblika li saret appena saret magħrufa din il-ħniżrija mill-Gvern Laburista, John Rolè reġa’ ntbagħat lura fejn kien. Naturalment wara xokk kbir li ngħata. U jien moralment konvint li John Rolè għadu ma ħelisiex mill-id kiefra ta’ dan il-Gvern. Żgur li dan il-Gvern għad jerġa’ jsib ix-xoqqa f’moxtha u jerġa’ jirrepeti din l-azzjoni.
Għax fil-politika tal-Gvern immexxi mill-Partit Laburista m’hemmx post għal dawk li m’humiex tal-qalba.
Mhux importanti jekk intix serju fix-xogħol tiegħek. Mhux importanti jekk intix professjonali fil-qadi tad-doveri tiegħek. L-importanti għal dan il-Gvern Laburista hu li inti tal-qalba. Li inti yes man. Li inti tinkina għal dak li jgħid hu.
Jekk le, allura jew iddabbar rasek jew idabbarielek kif għamel lil John Rolè.
Jason Decelis
Lill-priġunier Jason Decelis ma nafux minn Adam. Naf biss li jinsab residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex jiskonta sentenza iebsa ta’ 25 sena priġunerija b’konnessjoni mal-mewt ta’ Rachel Bowdler.
Li naf biss hu li dan Jason Decelis allegatament dabbar xebgħa mingħand wieħed mill-Gwardjani tal-Ħabs… affarijiet li m’humiex aċċettabbli li jsiru f’istituzzjoni bħalma hu l-Ħabs. Qaluli li l-Gwardjan involut hu raġel tal-affari tiegħu u dedikat f’xogħlu.
Il-priġunieri għandhom kull dritt li fil-Ħabs fejn qegħdin isibu l-protezzjoni, is-sigurtà u l-għajnuna u mhux uffiċjali tal-Ħabs li jkellmuhom ħażin, joffenduhom u, agħar minhekk, isawtuhom.
Nifhem li l-uffiċjali tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jistgħu jiltaqgħu ma’ priġunieri kesħin, li jqażżu kulfejn ikunu, li jheddu li jċemplu lil dak u lill-ieħor, li jheddu lill-istess uffiċjali bil-familja tagħhom… imma hu d-dover ta’ kull uffiċjal li ma jċedi qatt għal dawn il-provokazzjonijiet u għal dawn il-minaċċi u sitwazzjonijiet.
Hemm diversi rimedji li l-uffiċjali tal-Ħabs jistgħu jirrikorru għalihom… imma li jerfgħu jdejhom fuq xi priġunier – hu min hu – m’għandha tkun tollerata qatt. Anki jekk tali uffiċjal tal-Ħabs ikun għaddej minn mumenti diffiċli fil-ħajja personali tiegħu.
Konvint li ħafna mill-uffiċjali tal-Ħabs qed jagħmlu xogħol eżemplari u tajjeb. Konvint li dawn l-uffiċjali kapaċi jrażżnu l-emozzjonijiet u t-tentazzjonijiet li jkollhom biex hekk jevitaw kull problemi li jistgħu jipperikolawlhom il-karriera tagħhom.
L-esperjenza tiegħi tal-jiem li għaddew fil-Ħabs tibqa’ partikulari għall-aħħar.
//= $special ?>