Lokali

Ħallelin iżarmaw proġett tal-Kumitat Amministrattiv ta’ Burmarrad u l-Wardija

Persuni mhux magħrufa matul il-lejl li għadda serqu bankijiet li twaħħlu biss jumejn ilu bħala parti minn proġett tal-Kumitat Amministrattiv ta’ Burmarrad u l-Wardija.

F’kummenti lil dan is-sit, membri tal-Kumitat Amministrattiv spjegaw li ħadd ma tkellem magħhom biex jitneħħew dawn il-bankijiet, u ħadd ħlief l-istess Kumitat m’għandu permess iċaqlaq il-bankijiet.

Dan il-kumitat, bir-riżorsi limitati li għandu, investa f’dan il-proġett bl-għan li joħloq belvedere f’din iż-żona pittoreska tal-Wardija. Proġett li kien jinkludi wkoll it-tneħħija ta’ ħaxix ħażin u tisbiħ taż-żona.

Madankollu l-bankijiet tal-injam kollha li twaħħlu biss jumejn ilu sparixxew. U minħabba li dawn kienu marbuta f’bażi tal-konkrit, min seraq il-bankijiet qabad u ħa l-bażi b’kollox biex fil-post ħalla biss munzell ħamrija.

Dwar dan il-każ sar rapport lill-Pulizija li ntalbu jinvestigaw.

Dwar dan il-proġett fil-jiem li għaddew inqalgħet ukoll kontroversja hekk kif il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar fuq il-paġna tiegħu fuq Facebook ella’ ritratti tal-proġett u ħa l-kredtu kollu hu mingħajr ma rrikonoxxa li kien il-Kunsill Amministrattiv ta’ Burmarrad u l-Wardija li għamel dan il-proġett u ħallas l-ispejjeż kollha.