Id-dejn ta’ Malta żdied b’€220 miljun bejn Lulju u Settembru li għaddew. Dan joħroġ minn statistika li ppubblikat il-Eurostat, l-aġenzija tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea lbieraħ, li tikkonferma li l-Gvern Laburista qed ikompli jgħabbi lill-ġenerazzjonijiet futuri ta’ pajjiżna b’miljuni akbar ta’ dejn.
Il-Viċi Kap tal-PN u Shadow Minister tal-Finanzi, Mario de Marco, fi stqarrija, qal li filwaqt li l-Gvern ħareġ jipprova jiftaħar li bħala persentaġġ id-dejn naqas, li ma qalx hu li l-ammont globali ta’ dejn filfatt żdied. Mario de Marco żied jgħid li t-tnaqqis f’termini perċentwali huwa riżultat ta’ tkabbir ekonomiku li fil-parti kbira tiegħu mhux ġej mis-settur privat iżda mill-Gvern innifsu, li fl-aħħar għoxrin xahar daħħal mal-4,500 persuna jaħdmu miegħu.
Qal ukoll li dan barra l-fatt li, reviżjoni riċenti fl-istatistika wasslet biex il-livelli tal-Prodott Gross Domestiku żdiedu b’madwar 3%.
Il-Viċi Kap tal-PN staqsa f’liema proġetti ta’ fejda jew servizzi għas-soċjetà qed imorru dal-€220 miljun f’dejn filwaqt li amministrazzjonijiet preċedenti investew flus il-poplu fi proġetti infrastrutturali kbar li għadna ngawdu sal-lum. Qal ukoll li din l-aħbar ma tawgurax tajjeb għall-istabilità futura ta’ pajjiżna.
Il-Partit Nazzjonalista esprima t-tama li l-Gvern jieħu bis-serjetà l-qagħda finanzjarja ta’ Malta għaliex l-esperjenza ta’ pajjiżi ġirien hi ta’ twissija biżżejjed dwar għaliex m’għandniex naqbdu dik ir-rotta. It-tnaqqis tad-dejn għandu jsir b’mod sostenibbli, mhux b’miżuri ta’ darba li ma jsolvux il-problema fit-tul, saħaq il-PN waqt li temm jgħid li hekk biss nistgħu nagħtu serħan tal-moħħ lill-familji u l-ġenerazzjonijiet ta’ għada.
//= $special ?>