Il-Papa Franġisku ħeġġeġ lill-familji biex iwarrbu l-iPhones u l-media soċjali u jitgħallmu jitkellmu ma’ xulxin mill-ġdid. Fil-messaġġ annwali tiegħu għall-Jum Dinji dwar il-Komunikazzjoni lbieraħ, il-Papa qal li l-media tista’ tgħin jew tostakola l-komunikazzjoni fil-familja.
“L-akbar sfida li qed naffaċċjaw illum hi li nitgħallmu biex mill-ġdid nitkellmu ma’ xulxin, mhux sempliċiment niġġeneraw u nikkunsmaw l-informazzjoni,” qal il-Papa.
Warrbu l-iPhones u l-media soċjali u itgħallmu tkellmu ma’ xulxin mill-ġdid – Il-Papa
It-tema tal-messaġġ għal din is-sena taħbat mal-enfasi li qed jagħmel il-Papa dwar il-familja għal perijodu ta’ sentejn, li se jilħaq il-qofol tiegħu f’Ottubru ta’ din is-sena b’laqgħa kbira tal-isqfijiet biex joħorġu bl-ideat tagħhom dwar il-Knisja tilħaq familji li qed jgħixu bid-divorzju, ulied omosesswali, unjonijiet ta’ persuni barra ż-żwieġ u kwistjonijiet oħrajn.
Il-Papa Franġisku qal li t-tfal għandhom l-ewwel jitgħallmu jikkomunikaw fil-familja u jaraw kif se jgħixu ma’ persuni ta’ etajiet u esperjenzi differenti.
Il-Papa stqarr li l-familji huma l-mudell għall-komunikazzjonijiet kollha għax hu fil-familja li wieħed jitgħallem biex jaħfer.
“Familja perfetta ma teżistix,” żied il-Papa Franġisku. “M’għandniex nibżgħu minn affarijiet li ma jkunux perfetti, mid-dgħufija jew anki mill-kunflitt, iżda minflok nitgħallmu kif nitrattawhom b’mod kostruttiv.”