Numru ta’ ħaddiema fi gradi differenti fil-kumpanija Gozo Channel jinsabu mħassbin wara li fl-aħħar ġimgħat u jiem, xogħol li normalment kien isir minnhom, ingħata lil kuntrattur privat jew se jkun offrut lil kuntrattur privat.
Kollox beda matul dan ix-xahar hekk kif bħalma tagħmel kull sena f’Jannar, il-Gozo Channel tibda programm ta’ manutenzjoni tal-vapuri tagħha fit-Tarzna ta’ Palumbo. Liema xogħol isir kemm mill-impjegati tat-tarzna kif ukoll mill-impjegati tal-Gozo Channel. Normalment dawn l-impjegati jitwasslu minn żewġ ħaddiema li huma impjegati bħala xufiera u jaqdu kwalunkwe ħtieġa tal-kumpanija li tirrikjedi servizz ta’ trasport minn xufier.
Li ġara hu li flok użat dawn il-ħaddiema, il-Gozo Channel qabbdet kuntrattur privat biex iwassal il-ħaddiema minn Għawdex sat-Tarzna u lura u minn informazzjoni li għandu maltarightnow.com, dawn iż-żewġ xufiera spiċċaw iħarsu.
Barraminhekk, avviż tal-Gozo Channel li deher fil-gazzetti tal-Ħadd li għadda, fejn il-kumpanija qed titlob kwotazzjonijiet ghal servizzi ta’ irmiġġ, qed iqajjem allarm u tħassib fost iktar ħaddiema.
Fil-fatt, il-Gozo Channel timpjega mat-12-il persuna li jagħmlu xogħol ta’ irmiġġ meta l-vapuri jittrakkaw fiċ-Ċirkewwa u l-Imġarr.
Dawn iż-żewġ każi qed iqanqlu biza’ fost dawn il-ħaddiema tal-Gozo Channel li qed jaraw xogħolhom jiġi kuntrattat lil ħaddieħor.
//= $special ?>

