Internazzjonali Kurżitajiet

Ir-Reġina Eliżabetta l-ixjeh fid-dinja

Ir-Reġina Eliżabetta issa hi l-ixjeh kap ta’ monarkija fid-dinja wara l-mewt tar-Re Abdullah tal-Arabja Sawdija.

Abdullah, li kellu 90 sena, kien sentejn ikbar mir-Reġina li se tagħlaq 89 sena f’April.

Ir-Reġina Eliżabetta hi waħda tmien irġejjen li għandhom aktar minn 80 sena fid-dinja, b’oħrajn jinkludu r-Re tat-Tajlandja u l-Imperatur tal-Ġappun.

It-62 sena kemm ilha fuq it-tron iħabbtuha mar-renju tar-Re tat-Tajlandja, Bhumibol Adulyadej, li se jiċċelebra 69 sena fuq it-tron f’Ġunju. Hu kellu biss 18-il sena meta kien sar re.

L-aktar re li dam igawdi r-renju tiegħu kien Sobhuza II ta’ Swaziland, li rrenja għal 82 sena mill-1899 sal-1982. Għalkemm, jingħad, li l-farawn Eġizzjan Pepi II irrenja għal 94 sena, wara li kiseb it-tron fl-età ta’ sitt snin. Xi storiċi, madankollu, jemmnu li l-farawn irrenja għal 64 sena.

Jekk irrenja sakemm kellu mitt sena, Pepi II jista’ jkun l-ixjeh re fl-istorja, għalkemm Abdul Momin, is-Sultan ta’ Brunei li rrenja sal-1885, kellu 99 sena jew mitt sena meta miet – bid-data eżatta tat-twelid tiegħu mhix magħrufa.

Ir-Reġina hi t-tieni l-aktar persuna rjali li damet tirrenja fl-istorja tar-Renju Unit, wara r-Reġina Vittorja.