Ekonomija Internazzjonali

IR-RENJU UNIT: Ikomplu jorħsu l-kontijiet wara li raħas il-prezz taż-żejt

Aktar kumpanniji tal-enerġija qed inaqqsu l-prezzijiet għall-konsumatur b’konsegwenza tat-tnaqqis konsistenti fil-prezz taż-żejt, u meta l-prezz tal-gass għall-Britanniċi naqas b’29 pence mill-bidu tal-2014 sallum.
It-Teżor ħabbar, dan ix-xahar, li qed jinvestiga r-raġuni għalfejn il-prezzijiet tal-enerġija għall-familja baqgħu għoljin minkejja t-tnaqqis konsistenti fil-prezzijiet taż-żejt u l-gass — bil-Ministru Britanniku responsabbli mill-Enerġija, Matt Hancock, jikteb lis-sitt kumpanniji tal-enerġija ewlenin fejn talabhom biex jispjegaw ir-rati għolja.
Sadanittant, il-kumpannija Npower, issa, naqqset il-prezzijiet tal-gass annwali għal 1.3 miljun konsumatur bi ftit aktar minn ħamsa fil-mija. B’hekk, Npower saret ir-raba’ entita tal-enerġija li naqqset il-prezzijiet b’mod li jirrifletti t-tnaqqis fil-prezz tal-gass bl-ingrossa.
Il-konsumaturi, mix-xahar id-dieħel, se jibdew iħallsu mal-35 lira Sterlina anqas fuq il-kontijiet tal-gass, bil-konsumatur medju ta’ Npower li juża biss il-gass għall-enerġija, fil-preżent, irid iħallas mas-667 minflok 702 lira Sterlina fis-sena.
Min-naħa tiegħu, Ed Davey, is-Segretarju tal-Istat għall-Enerġija u l-Bidliet fil-Klima, ħeġġeġ biex iż-żewġ kumpanniji l-oħra tal-enerġija wkoll inaqqsu l-prezzijiet; bil-pressjoni qed tiżdied fuq l-entitajiet inkwistjoni ħalli jieħdu l-miżuri xierqa għall-benefiċċju tal-konsumatur.