Il-mossa tal-Bank Ċentrali Ewropew biex kull xahar jixtru b’€60 biljun f’bonds ta’ Gvernijiet u kumpaniji Ewropej wassal sabiex l-ewro ħa daqqa l’isfel ma’ bosta muniti. Għal kuntrarju, l-indiċi madwar l-Ewropa kollha raw żidiet. L-indiċi Ġermaniż magħruf bħala DAX jinsab f’livell rekord. Dawn l-aħħar ġimgħatejn kienu l-aqwa f’dawn l-aħħar ħames snin għal ishma madwar l-Ewropa. L-indiċi Ingliż FTSE 100, li jkopri l-ikbar 100 kumpanija Ingliża qiegħed fl-aqwa livell għal dawn l-aħħar seba’ snin. Is-suq finanzjarju Franċiż ilu ma jkun b’saħħtu hekk sa minn nofs is-sena 2008.
L-ewro kompla jitlef kontra bosta muniti. Din is-sena l-ewro sofra telf ta’ madwar 7% kontra id-dollaru Amerikan u dak Awstraljan kif ukoll kontra l-isterlina. Bl-ewro dgħajjef, kumpaniji Ewropej li jesportaw qed igawdu minn profitti ikbar. Banek Ewropej ukoll qed igawdu minn dan kollu wkoll. Huwa mifhum li kumpaniji Ewropej jistgħu jikkompetu aħjar jekk l-ewro ikun baxx mad-dollaru Amerikan.Southwest Airlines irdoppjat il-valur tal-ishma tagħha fl-aħħar sitt xhur hekk kif il-prezz tal-fjuwil użat mill-ajruplani naqas bin-nofs. Ir-roħs tal-fjuwil użat mill-ajruplani qed iwassal biex ħafna linji tal-ajru jaraw żieda fil-profitti. Għaqdiet tal-konsumaturi madwar id-dinja qed jitolbu biex il-biljetti tal-ajru jorħsu. L-ishma ta’ American Express tilfu 10% fil-valur hekk kif ħabbru li se jnaqqsu l-ħaddiema b’6% cioe jitkeċċew 4,000 ħaddiem. L-ishma ta’ Google għadhom madwar 20% iktar baxxi fil-valur milli kienu erba’ xhur ilu.
Il-prezz taż-żejt jibqa’ baxx
Il-prezz taż-żejt baqa’ fl-iktar livelli baxxi għal dawn l-aħħar snin. Issa ilna iktar minn xahar bil-prezz taħt il-50 dollaru –il barmil. Dan qed iwassal biex diversi kumpaniji tat-tħaffir taż-żejt madwar id-dinja ifallu. B’dan il-prezz baxx mhux qed jagħmlu profitti u mhux qed ilaħħqu mad-djun li għandhom. Lukoil, kumpanija kbira Russa qed tbassar li l-prezz jista’ jinżel għal 25 dollaru.
Elezzjoni kruċjali fil-Greċja
Il-Griegi għandhom elezzjoni li bosta qed jistennew. Il-favorit skond il-polls huwa l-Partit fl-Oppożizzjoni. Dan wiegħed li ma jħallasx lura diversi djun li għandu ma’ pajjiżi Ewropej u hedded li joħroġ miż-Żona Ewro. Fl-aħħar jiem, il-Griegi ġibdu biljuni kbar ta’ ewro mill-banek u dan qed jagħmilha diffiċli biex l-ekonomika tkompli miexja ‘l quddiem.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd | www.mpmci.net | tel 21493250
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment
//= $special ?>