F’dawn l-aħħar jiem, il-Ministri Helena Dalli u Anton Refalo inawguraw uffiċċju ġdid tal-Meusac f’Għawdex. Iż-żewġ ministri saħqu dwar l-importanza li l-intrapriżi u l-kunsilli lokali Għawdxin ikollhom il-faċilita’ li jikkonsultaw il-Meusac mingħajr ma jkollhom jinżlu Malta.
Iż-żewġ ministri, partikolarment il-Ministru Refalo, ipprovaw jagħtu l-impressjoni li saret xi ħaġa ġdida u li hu biss issa li Għawdex għandu uffiċċju tal-Meusac.
Iżda ir-realta’ hi xort’oħra. Dan għaliex Gvern Nazzjonalista kien fetah uffiċċju tal-Meusac u tal-Kumitat reġjonali tal-MCESD f’Għawdex lura fl-2010. Dawn l-uffiċċji kienu inawgurati fid-19 ta’ Mejju ta’ dik is-sena u kienu ingħalqu mill-Gvern Laburista ftit wara l-aħħar elezzjoni ġenerali. Fi kliem ieħor, il-Gvern Laburista qed jiftaħ mill-ġdid uffiċċju li diġa’ kien hemm għalaq hu stess.
Permezz ta’ dan l-uffiċċju, diversi għaqdiet mhux governattivi, kunsilli lokali, negozji żgħar u self-employed Għawdxin kienu jsiru jafu x’opportunitajiet hemm, kif jistgħu japplikaw għall-fondi u għajnuna oħra relatata mal-Unjoni Ewropea, kif ukoll kienu jsiru numru ta’ laqgħat ta’ informazzjoni u konsultazzjoni f’Għawdex.
Issa, ftit xhur wara li għalqet dan l-ufficcju, il-Ministru Helena Dalli marret Għawdex biex terġa’ tiftħu.
Stqarrija ta’ kjarifika maħruġa mill-MEUSAC:
B’referenza ghall-artiklu li ġie ippublijkat fuq in-newsportal tal-Media Link Communications Maltarightnow bit-titlu ‘Jinawguraw uffiċċju “ġdid” li għalqu huma stess’, il-MEUSAC qed jiċċara l-fatti dwar il-ftuħ dan l-uffiċċju f’Għawdex.
Waqt l-inawgurazzjoni tal-uffiċċju tal-MEUSAC fix-Xewkija, sar aċċenn għall-fatt li diġà kien jeżisti uffiċċju f’Għawdex. Dan kien uffiċċju konġunt bejn il-MEUSAC u l-MCESD u kien ġie inawgurat fid-19 ta’ Mejju 2010. Izda sentejn wara, f’Mejju tal-2012, il-persuna li kienet ġiet ingaġġata bħala koordinatur ta’ dan l-uffiċċju ħa poizzjoni oħra mal-gvern u għalhekk l-uffiċċju baqa’ mingħajr koordinatur. B’hekk, dan l-uffiċċju ma kienx qed iservi l-iskop tiegħu peress li minkejja sforzi biex tiġi ngaġġata persuna oħra, il-pożizzjoni ta’ koordinatur baqgħet vakanti. Is- sitwazzjoni minn Mejju tal-2012 kienet waħda fejn kienu qed jitħallsu ammonti sostanzjali bħala kera għal uffiċċju li ma kienx qed jintża ħlief għal xi laqgħa kultant.
Għadaqstant, wara li nġibdet l-attenzjoni tal-Ministru Helena Dalli ftit wara li assumiet il-ħatra bħala Ministru responsabbli mid-Djalogu Soċjali, ittieħdet deċiżjoni biex ma tibqax titħallas il-kera għalxejn u fl-istess waqt, isiru diskussjonijiet mal-Ministeru għal Għawdex biex il-Ministeru jpoġġi għad-dispożizzjoni tal-MEUSAC uffiċċju mingħajr il-piż tal-ħlas ta’ xi kera. F’laqgħa li l-Kap tal-MEUSAC, Dr Vanni Xuereb, kellu mal-Ministru Anton Refalo, il-Ministru offra lil MEUSAC uffiċċju fil-kumpless tal-Università fix-Xewkija.
Fl-istess waqt, inbeda il-proċess biex ikun jista’ jiġi ngaġġat koordinatur ġdid għal dan l-uffiċċju, liema proċess wassal biex fl-1 ta’Settembru 2014, ġiet ingaġġata peruna idonea wara sejħa pubblika. Matul dawn l-aħħar xhur, din il-persuna ngħatat it-taħriġ meħtieg biex tkun tista’ isservi bħala punt tal-ewwel kuntatt bejn entitajiet Għawdxin, il-pubbliku f’Għawdex u l-MEUSAC.
Kif semmiet il-Ministru Dalli fid-diskors tagħha waqt il-ftuħ tal-uffiċċju fix-Xewkija, minn meta reġa’ twaqqaf il-MEUSAC fl-2008, kunsilli lokali Għawdxin ħadu total ta’ €4,109,903 għal 34 proġett differenti filwaqt li NGOs f’Għawdex ħadu €1,062,980 għal 22 proġett.
//= $special ?>