Ewropa Lokali

L-Ewro Parlamentari Nazzjonalista David Casa jikkonkludi ħidma dwar ir-rapport annwali tal-EIB

Il-Kumitat dwar l-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali fi ħdan il-Parlament Ewropew għadu kif approva opinjoni li l-abbożż tagħha sar mill-Ewro Parlamentari Nazzjonalista David Casa dwar ir-Rapport Annwali għall-2013 tal-Bank Ewropew għall-Investiment.

“Fl-isfond tar-rata għolja tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa, aħna nilqgħu d-€9.1 biljun li ntefqu mill-Bank Ewropew għall-Investiment (EIB) fl-2013 sabiex ikun taħriġ fil-ħiliet u opportunitajiet ta’ impjieg għaż-żgħażagħ. Aħna nemmnu li l-SMEs huma parti kruċjali mis-soluzzjoni. L-SMEs għandhom potenzjal enormi fil-ħolqien tal-impjiegi, partikularment fost iż-żgħażagħ, kif ukoll biex jippromwovu t-taħriġ vokazzjonali u l-apprentistat,”saħaq David Casa, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN, wara l-vot.

L-Opinjoni tilqa’ iż-żieda ta’ 50 fil-mija fl-2012 fl-iffinanzjar tal-EIB għall-SMEs, li rriżultat fi 2.8 miljun impjieg fl-Unjoni Ewropea. L-istess Opinjoni tirrimarka li l-SMEs jistgħu biss joħolqu t-tkabbir u l-impjiegi jekk opportunitajiet ta’ finanzjar wkoll ikunu disponibbli għal investimenti b’riskju għoli.

Hu u jitkellem għan-nom tal-Partit Popolari Ewropew (EPP), David Casa laqa’ l-inizjattiva l-ġdida “Ħiliet u Impjiegi – Ninvestu għaż-Żgħażagħ” tal-EIB li tiffoka dwar il-faċilitajiet finanzjarji għal taħriġ vokazzjonali u l-mobbiltà tal-istudent/apprentistat bl-iskop li ż-żgħażagħ ikunu provduti opportunitajiet dejjiem ta’ xogħol.

“Dan hu pass fid-direzzjoni t-tajba, iżda jien verament insejjaħ għal żieda fl-investimenti f’dan il-programm ta’ self fis-snin li ġejjin,”stqarr David Casa.

L-Opinjoni tal-Ewro Parlamentari Nazzjonalista issa se tidħol fir-Rapport prinċipali li qed ikun diskuss fil-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji; dan qabel ma ġie vvotat dwaru fil-plenarja mill-Ewro Parlamentari fil-ġimgħat li ġejjin.

Din hi t-tieni Opinjoni li l-abbozz tagħha sar minn David Casa mindu saru l-elezzjonijiet Ewropej f’Mejju tas-sena li għaddiet. Il-vot li ttieħed ilbieraħ hu l-qofol ta’ tliet xhur ta’ negozjati ma’ gruppi politiċi oħrajn kif ukoll laqgħat ma’ min hu responsabbli.