Internazzjonali Unjoni Ewropea

L-UNJONI EWROPEA: Poteri ġodda għall-Europol

L-Unjoni Ewropea qed taħseb biex tagħti poteri ġodda lill-Europol, bl-iskop li din l-aġenzija tal-pulizija għas-servizzi sigrieti sservi bħala ‘osservatur’ u daqstant ieħor ‘ċensur’ tal-internet għall-Ewropa.

Il-miżuri l-ġodda se jinkludu kontrolli għat-tneħħija ta’ kontenut tal-internet bħala parti integrali tar-reazzjoni – effettiva madwar l-Ewropa – kontra t-terroriżmu wara l-attakki ta’ ġimagħtejn ilu fuq l-uffiċini tal-ġurnal satiriku ‘Charlie Hebdo’, fil-qalba ta’ Pariġi.

Il-proposti, li huma kunfidenzjali, se jkunu diskussi l-ġimgħa d-dieħla mill-Ministri Ewropej b’responsabbiltà għall-Intern u bl-iskop li jinħoloq ‘monitoring unit’ għall-internet, effettiv għall-UE, u li jinvestiga l-websajts għal materjal illegali.

Dokument relatat mal-inizjattiva jsostni li l-ammont ta’ informazzjoni li qed tgħaddi lill-Europol ma jlaħħaqx mat-theddida tat-terroriżmu. Għaldaqstant, tinħtieġ ir-rieda politika biex l-Ewropa żżid l-użu tal-Europol. L-akbar ‘falliment’, sal-lum, hu n-nuqqas tal-informazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali għal kontra t-terroriżmu.

It-taqsima l-ġdida tal-Europol għandha tingħata rwol ċentralizzat fil-moniteraġġ u l-analiżi tal-komunikazzjonijiet bil-media soċjali fuq l-internet. L-iskop ewlieni hu biex l-awtoritajiet jindikaw kontenut tal-ġiħadisti (elementi involuti fi gwerra qaddisa Iżlamika) u materjal ieħor li mhux aċċettabbli.

Hu mifhum li aktar ’il quddiem għandu jitqies ukoll ir-rwol tal-Europol li bħala aġenzija tiġbed jew tiffaċilita l-attenzjoni għal kontenut li jabbuża minn ċerti termini u kundizzjonijiet oħra fuq l-internet. Ir-rwol jista’ jmur lil hinn mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u għaldaqstant kapaċi jnaqqas mill-materjal intiż biex jikkonvinċi lin-nies rigward ‘kawżi radikali’ li qegħdin jitmexxew fuq l-internet.

Skont il-proposti, l-UE għandha teżamina l-possibbiltajiet tekniċi u legali biex jitneħħa l-kontenut illegali mill-internet u jsiru l-proposti għal policies komuni li jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Intant, l-osservatur ‘Statewatch’ li jħares il-libertajiet ċivili fl-Ewropa, wissa li dawn il-poteri ġodda jistgħu jwasslu għaċ-ċensura tal-internet, a skapitu tal-espressjoni ħielsa madwar il-kontinent.