Qorti

Manager tal-Fondazzjoni Wirt Artna jżomm għalih €7,000

Raġel ta’ 32 sena minn Ħ’Attard, li jaħdem bħala manager ma’ Fondazzjoni Wirt Artna fil-mużew Malta at War fil-Birgu, ammetta li żamm għalih €7,000 b’dannu għall-post tax-xogħol tiegħu.

Stephen Anthony Camilleri ħass li ma setax jgħaddi bl-€1,000 paga fix-xahar u għalhekk spiċċa jiddikjara li żaru l-mużew inqas nies milli fil-fatt kienu żaruh biex iżomm il-flus għalih u jkun jista’ jmantni lil bintu ta’ sitt snin.

Fondazzjoni Wirt Artna għamlet ir-rapport lill-Pulizija “kontra qalbha” għax kienet tikkunsidrah bħala wieħed mill-aħjar managers tagħha. Hi ndunat x’kien qed jiġri minn fuq is-CCTV camera tal-mużew.

Fuq l-ammissjoni tiegħu stess, il-Maġistrat Audrey Demicoli sabitu ħati u kkundannatu sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin kif ukoll tatu sitt xhur ċans biex jirrifondi l-imsemmija somma lil Fondazzjoni Wirt Artna. Il-każ tmexxa mill-Ispetturi Anna Marie Xuereb u Saviour Baldacchino filwaqt li l-Avukat Vince Micallef deher għal Camilleri.