Futbol Sport

Nadur Youngsters mhux se jitolbu replay tal-partita kontra Hibernians

Il-Kumitat ta’ Nadur Youngsers mhux se jressaq protest fil-każ tal-partita kontra Hibernians, mill-FA Trophy, fejn il-plejer ta’ Hibernians Bjorn Kristensen intwera żewġ karti sofor imma ma tkeċċiex.

Id-deċiżjoni li ma jitkeċċiex Bjorn kristensen ittieħdet għaliex fil-verita’ t-tieni safra lil Kristensen intweriet bi żball mir-referee Sandro Spiteri. Malli nduna bl-iżball, l-istess referee mill-ewwel irrimedja billi ta t-tieni safra lid-difensur Andrei Agius, li ġie ġġudikat li tajjar il-ballun b’idu f’azzjoni li setgħet issarraf f’gowl għal Nadur Youngsters.

Kien għalhekk li fil-verita’, ir-referee Sandro Spiteri qatt ma niżżel it-tieni karta safra f’isem Bjorn Kristensen fir-rapport tiegħu dwar din il-partita.

Filfatt Bjorn Kristensen ingħata biss multa ta’ €10 imma mhux sospensjoni kif joħroġ mir-Rapport tad-Dixxiplina maħruġ ftit tal-ħin ilu mill-Kummissarju tad-Dixxiplina fi ħdan l-MFA.

Fi stqarrija, il-Kumitat ta’ Nadur Youngsters qal li d-deċiżjoni li ma jitressaqx protest biex il-partita terġa’ tintlagħab ittieħdet abbażi tal-principji ta’ fair play u ladarba r-referee ma niżżilx żewġ sofor fuq isem Bjorn Kristensen, il-protest ikun biss inutili.

Stqarrija oħra nħarġet mill-grupp tal-Ultras ta’ Nadur Youngsters, White Force Nadur Ultras li anke’ huma sostnew l-istess raġunament. “Bħala White Force aħna kontra kull protest u kontra kull replay ta’ din il-logħba. Importanti li nħallu dawn ix-xnigħat u nikkonċentraw fuq il-logħob li jmiss tal-kampjonat,” jgħid l-appell ta’ dan il-grupp ta’ partitarji.

Id-difensur Andrei Agius minn naħa l-oħra ngħata sospensjoni ta’ logħba mill-Kummissarju tad-Dixxiplina tal-MFA. Dan filwaqt li ngħatat sospensjoni ta’ erba’ logħbiet lil Amadou Samb, li tkeċċa fil-partita kontra Qormi, u partità sospensjoni lil Nick Ghio ta’ Gudja United.