Żagħżugħa ta’ 20 sena minn San Ġwann qed titlob kumpens lil żewġ sptarijiet, Mater Dei u ieħor privat, fejn qed iżżommhom responsabbli tal-uġigħ li għadha ssofri minħabba kundizzjonijiet li tbati minnhom.
Lojin Brijieh fetħet kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra d-Direttur tas-Saint James (Capua) Hospital Limited, kontra s-Supretendent tal-Isptar Mater Dei u kontra l-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa.
Hi qed tgħid li fit-8 ta’ Ottubru li għadda marret fl-isptar St. James fejn saritilha dijanjożi skorretta għax wara li sarulha l-X-rays u eżami tal-kundizzjoni tagħha, intbagħtet id-dar u ntalbet biss tieħu l-mediċina Catafast.
Fit-13 ta’ Ottubru marret l-Isptar Mater Dei fejn reġgħet saritilha dijanjożi oħra skorretta u wara li ġiet eżaminata minn erba’ tobba fid-Dipartiment tal-Emerġenza, intbagħtet id-dar bla kura għax qalulha li kellha biss ‘muscle spasm’.
It-tfajla qalet li l-kundizzjoni medika tagħha qalbet għall-agħar u l-għada 14 ta’ Ottubru ntilfet minn sensiha tant li kellha tiddaħħal fl-ITU tal-Mater Dei fejn ġiet operata darbtejn u rriżulta li kienet anke fil-periklu tal-mewt minħabba ‘septic shock’.
Brijieh kompliet tgħid li għadha qed tirkupra u fadlilha jsiru diversi operazzjonijiet waqt li semmiet kif t-tbatija li għaddejja minnha setgħet ġiet evitata li kieku ġiet eżaminta sew u ż-żewġ sptarijiet tawha l-mediċina korretta.
Brijieh ilmentat wkoll li meta talbet spjegazzjoni għala ż-żewġ sptarijiet għamlu dijanjożi żbaljata, baqgħu ma tawha ebda tweġiba.
Kien għal dawn ir-raġunijiet kollha li qed titlob lill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili tiddikjara li sofriet danni minħabba t-traskuraġni taż-żewġ sptarijiet u tordnalhom jagħtuha kumpens.
It-talba f’isimha saret mill-Avukat Stefano Filletti.
//= $special ?>