Raġel ta’ 33 sena minn Ħ’Attard kellu sentenza ta’ ħabs imnaqqsa b’sentejn wara li l-imħallef li sema’ l-appell tiegħu ddeċieda li hu għandu jgawdi mill-fatt li għeleb il-vizzju tad-droga.
Michael Frendo kien tressaq il-Qorti mis-Supretendent Norbert Ciappara mixli li fil-lejl ta’ bejn is-27 u t-28 ta’ Ottubru 2005 kellu fil-pussess tiegħu r-raża tal-kannabis. Id-droga nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu.
Fil-11 ta’ Frar 2013 hu kien instab ħati u ġie ikkundannat sentejn u nofs ħabs u €2,000 multa madankollu tmint’ijiem wara appella fil-Qorti tal-Appell Kriminali.
L-Imħallef Antonio Mizzi, li sema’ u ddeċieda l-appell, irrimarka fid-deċiżjoni tiegħu li mill-provi miġbura jirriżulta ċar li Frendo ta verżjoni mhux kredibbli dwar għaliex kien żamm id-droga fil-karozza u ma ħallihiex id-dar. Hu semma’ kif Frendo kien qal biss li kien insiha u ħadha miegħu fil-karozza. L-Imħallef Mizzi qal li jaqbel mal-Qorti tal-Maġistrati, li l-verżjoni tal-akkużat ma kinitx kredibbli.
Dwar il-piena mogħtija madankollu, l-Imħallef Mizzi rrimarka li Frendo nstab fil-pussess ta’ 28.26 grammi raża tal-kannabis b’purità ta’ 3.6%. Waqt li qal li dan mhux ammont esaġerat, huwa semma’ kif mit-testijiet li saru fuqu, jirriżulta li hu għeleb il-vizzju tad-droga.
Kien għalhekk li l-Imħallef Mizzi naqqas il-piena minn waħda ta’ sentejn u nofs ħabs u multa ta’ €2,000 għal waħda ta’ sitt xhur ħabs u multa ta’ €470.
//= $special ?>