Lokali Saħħa

Sentenza sospiża għal Daniż li ppoża ta’ tabib biex jinviżta t-tfajliet fl-Isptar Mater Dei

Michael Camilo Precht, żagħżugħ ta’ 25 sena mwieled il-Kolumbja imma li trabba’ fid-Danimarka ngħata sentenza sospiża mill-Maġistrat Audrey Demicoli wara li ammetta li ppoża ta’ tabib fl-Emerġenza u l-Outpatients tal-Isptar Mater Dei. Dan kollu bl-għan li jinvista lil nisa u tfajliet.

Xi ġimgħat ilu dan iż-żagħżugħ mar l-Emerġenza u lill-infermier qallu li hu tabib mid-Danimarka. Dan qallu li minkejja dan xorta waħda jrid jgħaddi minn proċeduri lokali u tah lista ta’ persuni li jrid ikellem f’Malta.

Jirriżulta li sadattant il-ġuvni kien qed jikteb fuq Facebook jappella li jrid tfajliet u nisa għal film ġdid li kien qed jidderieġi. Dawn in-nisa kienu qed jintalbu biex l-ewwel imorru l-Isptar Mater Dei għal viżtà medika.

Tliet mudelli Maltin tqarrqu minn dan il-messaġġ u marru l-Isptar kif indikat lilhom f’ħinijiet differenti bejn il-Ġimgħa u s-Sibt wara s-sitta ta’ filgħaxija. Fil-ġurnata li għamel l-appuntamenti, dan id-Daniż talab lil uffiċjal tas-sigurta’ biex jiftaħlu, semmielu b’isimhom il-lista ta’ persuni li kien indikalu l-infermier qabel, urieh tag Daniża u daħħlu f’kamra li f’dan il-ħin ma kinitx qed tintuża.

Kien waqt l-eżami mediku li wħud mit-tfajliet daħlilhom suspett minħabba l-mod kif kien qed imisshom dan iż-żagħżugħ. Iktar minn hekk, fuq karta roża bil-logo tal-Isptar Mater Dei fuqha, hu kiteb messaġġ: “Għandek bżonn boyfriend li jagħmillek massaġġ kuljum.”

Kien għalhekk li huma ressqu rapport lill-Pulizija li minn naħa tagħhom individwaw lill-ġuvni li ġie arrestat u nterrogat.

Madankollu waqt l-interrogazzjoni, iż-żagħżugħ ilmenta minn uġiegħ f’sidru u kellu jittieħed l-Isptar Mater Dei għall-osservazzjoni, fejn jinsab rikoverat b’għassa tal-Pulizija.

Fil-Qorti, Precht qal li hu jinsab bla xogħol filwaqt li ammetta li ppoża bħala tabib, ipprattika l-professjoni meta ma kellux kwalifiċi, għamel dikjarazzjonijiet foloz u li kkommetta atti vjolenti fuq il-pudur ta’ tliet nisa.

Il-Maġistrat Demicoli għalhekk ordnat sentenza ta’ erba’ snin ħabs sospiżi għal tnejn u multa ta’ €2,329.