Futbol Sport

Suq tat-trasferimenti importanti għal Birżebbbuġa St. Peter’s

Is-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar qed ikun wieħed movimentat ħafna għal Birżebbbuġa St. Peter’s li jridu kemm jista’ jkun malajr jakkwistaw il-punti biex jinqalgħu mill-aħħar post tal-klassifika fl-Ewwel Diviżjoni u jilħqu l-mira li jsalvaw.

L-ewwel deċiżjoni li ttieħdet kienet it-tneħħija tal-kowċ Andrea Mazza, biex issa l-iskwadra qed titmexxa minn Pino Murgia, l-eks kowċ ta’ Pembroke Athleta u assistent kowċ ta’ Luxol Saint Andrews u Sliema Wanderers fejn kien assistent ta’ Alfonso Greco.

Murgia mill-ewwel beda jaħdem mal-Kumitat għall-akkwist ta’ plejers ġodda. L-ewwel żewġ akkwisti kienu l-midfielder ta’ 28 sena Diego Cucciardi, eks plejer ta’ Ħamrun Spartans, Żejtun Corinthians u Marsa F.C kif ukoll id-difensur ta’ 25 sena Jonathan Xerri, eks plejer ta’ klabbs ewlenin bħal Hibernians, Marsaxlokk, Żebbuġ Rangers u Floriana.

Il-klabb se jżomm lill-midfielder ta’ 20 sena Luca Santoiemma, li ilu għall-aħħar jiem bi prova. L-unika ħaġa li fadal biex dan l-eks plejer tal-Giovanili tal-Inter isir uffiċjali huma l-karti mill-FIGC.

Beda jinżel mill-ġdid għat-taħriġ il-goalkeeper Jean Paul Mercieca li għal xi żmien kien qed jilgħab ma’ Marsaxlokk fit-Tielet Diviżjoni. Dan filwaqt li ħalla l-klabb il-goalkeeper ta’ 22 sena Alessandro Salerno biex ingħaqad ma’ Għaxaq F.C. għall-kumplament tal-istaġun. Fil-passat hu lagħab fil-livell ta’ youths ma’ Tarxien Rainbows, Naxxar Lions u l-istess Birżebbbuġa.

Numru ta’ plejers oħra jinsabu bi prova. Fost dawn hemm il-midfielder difensiv ta’ 26 sena Luciano Mutasi, plejer li saħansitra lagħab man-nazzjonal tal-Guinea Ekwitorjali u li f’pajjiżna kien jilgħab ma’ Pieta’ Hotspurs.

Dan filwaqt li tneħħew ukoll plejers li ma kinux fil-pjan ta’ Murgia. Id-difensur ta’ 23 sena Daniel Bonnici ngħaqad ma’ Mqabba filwaqt li l-attakkant ta’ 25 sena Dylan Kokavessis u l-midfielder ta’ 22 sena Felix Peplow ngħaqdu ma’ Marsa għall-kumplament ta’ staġun.

Iktar aħbarijiet mix-xena tal-futbol lokali fuq Replay (Net Television).