Lokali

Workshops mill-policy fora tal-PN matul l-2015

“Il-policy fora huma pass importanti fit-tiġdid tal-Partit Nazzjonalista biex jaġġorna l-politika tiegħu u jkun mill-ġdid il-partit li joffri policies għal żvilupp f’kull settur.” Sostniet dan Anne Fenech, il-President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha tnieda l-programm ta’ 16-il workshop organizzati mill-policy fora fuq oqsma varji matul din is-sena.

Il-workshops se jsiru kull tlieta jew erba’ ġimgħat u jkopru suġġetti varji bħall-Ekonomija, il-Ġustizzja, is-Saħħa, l-Edukazzjoni, is-Solidarjeta’ Soċjali, Għawdex iż-Żgħażagħ, il-Kultura, l-Ambjent.

Anne Fenech qalet li tul is-snin, il-PN kien il-partit li offra policies ċari u permezz ta’ din il-ħidma, irid jibqa’ jkun il-partit li joffri politika rilevanti. Hi stqarret li kien hemm mijiet ta’ persuni li wrew interess li jagħtu sehemhom fl-għaxar policy fora minn meta twaqqfu mill-Kap tal-PN Simon Busuttil f’Lulju li għadda, u l-proċess kompla jirranka wara li f’Ottubru li għadda, tħabbru ċ-Chairpersons ta’ dawn il-fora.

Matul il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ko-ordinatriċi tal-Policy Fora, Therese Comodini Cachia qalet li l-pubbliku hu ingredjent importanti fil-proċess tal-ġenerazzjoni tal-ideat għaliex jgħinu lill-partit jifhem sitwazzjoni partikolari, l-ostakli li jistgħu ikun hemm u realtajiet li mhux dejjem ikunu evidenti għal min mhux involut direttament.

Dan il-proċess hu parti minn ħidma sħiħa tal-PN biex ikun il-partit tan-nies u biex ikollu policies kurrenti li wkoll joffru viżjoni għall-ġejjieni. Il-workshops jinkludu niex tekniċi u esperti fl-oqsma tagħhom iżda Therese Comodini Cachia saħqet li l-qofol ta’ dawn il-laqgħat pubbliċi hu l-opinjoni tal-pubbliku.

Lejn l-aħħar ta’ din is-sena, tittella konferenza li matulha jinġabru l-konklużjonijiet tal-workshops kollha. Kulmin jixtieq jieħu sehem f’dawn il-workshops jista’ jibgħat email fuq policyfora@pn.org.mt jew iċempel fuq in-numru 25965262.