Lokali

4,000 fuq Facebook biex iqajmu kuxjenza dwar Precht

Aktar minn 4,000 persuna huma membri tal-paġna fuq Facebook ‘Stop Michael Camilo Precht’, paġna imwaqqfa minn persuni li spiċċaw vittmi ta’ dan il-ġuvni li ppoża bħala tabib fl-Isptar Mater Dei biex jinviżta nisa u tfajliet.

L-istess paġna turi wkoll kif matul is-sena li għaddiet kien hemm numru ta’ tfajliet li ġew ikkuntattjati fuq Facebook minn Precht għal dan l-iskop.

Precht ingħata sentenza sospiża wara li ammetta li ppoża ta’ tabib fl-Emergenza u l-Outpatients tal-Isptar Mater Dei bl-għan li jinviżta lil nisa u tfajliet. Huwa ammetta wkoll li ippoża ta’ tabib meta ma’ kienx kwalifikat biex jagħmel dan, għamel dikjarazzjonijiet foloz u li ikkommetta atti vjolenti kontra l-pudur ta’ tlett nisa.

Jidher li Precht kien jiltaqa’ ma dawn it-tfajliet fuq Facebook bl-iskuża li kien qed jidderiġi film u għalieh għandu bżonn tfajliet biex jaħdmu bħala atturi. Dawn it-tfajliet kienu qed jiġu mitluba biex imorru jagħmlu viżta medika fl-isptar Mater Dei, viżta li kienet tkun magħmula minnu stess.

Madanakollu, jidher li dawn it-tfajliet tqajmilhom suspett minħabba l-mod kif saret din l-eżaminazzjoni.

Fil-fatt, jirriżulta li Michael Precht diġa’ uża l-istess teknika bħal dik li uża Malta fid-Danimarka, L-Isvezja u in-Norveġja.
Skont stazzjon Norveġiż f’Awwissu tas-sena 2013 Precht gie ikkundannat tlett xhur ħabs wara li ammetta għal 27 kap ta’ akkuża, fosthom l-istess akkużi li tressaq fuqhom f’Malta.