Il-ħlasijiet ogħla fis-servizzi mid-Dipartimenti tal-Gvern li diġà daħlu, qed jolqtu diversi servizzi u li l-Gvern għażel li ma jħabbarx liema huma meta ressaq il-Baġit.
Il-Gvern għażel li jelenkahom f’Abbozz ta’ Liġi msejjaħ Att biex jimplimenta Miżuri tal-Estimi Finanzjarji għall-2015 u miżuri amministrattivi oħra.
F’paġna 14 tad-diskors tal-Baġit, il-Ministru tal-Finanzi f’Novembru li għadda kien ħabbar biss li “se jkun hemm żieda relattiva fil-fees of office mid-dipartimenti tal-Gvern”.
L-informazzjoni dwar iż-żidiet fil-ħlasijiet u liema huma dawn is-servizzi li minn din is-sena l-Gvern se jkun qed jitlob miżati u ħlalsijiet ogħla, qed toħroġ fil-Parlament fi tweġibiet li qed jagħti l-Gvern għal mistoqsijiet li qed iressaq ix-Shadow Minister Chris Said lill-Ministri tal-Gvern.
Jirriżulta diġà mill-informazzjoni li ta s’issa l-Gvern, li ntlaqtu u għolew 15-il servizz fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u aktar servizzi fil-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura.
Iż-żidiet fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ivarjaw minn ftit ċenteżmi daqskemm ta żieda l-Gvern għall-għoli tal-ħajja ta’ 58ċ, sa aktar minn €1.50 f’dak li jirrigwarda għoti ta’ ċertifikati u dokumenti mill-Ambaxxati, Konsolati jew mill-uffiċċji f’Malta.
Il-Gvern għolla b’€6 – minn €60 għal €66 – biex jinkiseb permess għal viża fit-tul.
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi wkoll ikkonferma li d-dipartimenti, entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħtu diġà għollew il-ħlasijiet ta’ dawk is-servizzi li l-Gvern iddeċieda li jżid flimkien ma’ miżuri oħrajn ta’ taxxi li rajna jogħlew fil-baġit tal-Gvern għal din is-sena.
Il-liċenzja ta’ bennej, għall-ħruġ tal-liċenzja u t-tiġdid tagħha ta’ kull sena, żdiedet minn €11.65 għal €13.
Il-miżata għall-eżami ta’ kandidati li jixtiequ jkollhom il-liċenzja biex jagħmluha ta’ bennejja ta’ kull darba li jsir l-eżami, għoliet minn €23.29 għal €26.
//= $special ?>