Internazzjonali

Imut Edgar Froese, fundatur u membru tal-grupp ‘Tangerine Dream’

Edgar Froese, mużiċista ta’ talent kbir u membru tal-grupp tar-Rock-elettroniku Ġermaniż, Tangerine Dream, miet fi Vienna, fl-eta ta’ 70 sena.

Mewtu seħħet għall-għarrieda u mifhum li kienet dovuta għal problemi fil-pulmun.

Intant, Froese kien il-moħħ wara ‘Tangerine Dream’ li, fis-snin sebgħin, ikkonsolida niċċa unika fil-mużika Rock fejn ibbaża l-ħoss tiegħu fuq is-synthesisers għall-effetti ‘psychedelic’ u ‘trance’. Fil-fatt dan il-grupp jibqa’ msemmi bħala influwenza sinifikanti fl-iżvilupp tal-mużika elettronika fuq stil kontemporanju.

Froese twieled f’Tilsit, fil-Ġermanja, eżatt fil-jum ta’ D-Day – is-6 ta’ Ġunju tal-1944 meta l-alleati kienu invadew l-artijiet okkupati min-Nażi, lejn l-aħħar tat-Tieni Gwerra. Missieru u wħud minn qrabatu kienu nqatlu min-Nażisti waqt li familtu tilfet kulma kellha fil-gwerra. Intant, omm Froese u l-kumplament tal-familja aktar ‘il quddiem ħadu residenza f’Berlin tal-Punent.

Froese ifforma lil Tangerine Dream fl-1979 flimkien ma’ studenti sħabu u huma mal-ewwel kisbu reputazzjoni għall-mużika ‘anti-pop’, qabel iffirmaw kuntratt mal-Virgin Records ta’ Richard Branson.

L-album tagħhom ‘Phaedra’, fl-1974, jibqa’ kkunsidrat bħala wieħed mill-aktar influwenti fil-qasam tal-mużika progressiva u għen isawwar il-ġeneru tas-Psychedelic Rock, fejn jispikka l-ħoss xprunat mis-‘sequencers’.

Album ieħor tal-grupp li kisbilhom suċċess kbir jismu Rubycon, li kien ħareġ fl-1975 u li wkoll kellu ħoss ‘avventuruż’ għal dak iż-żmien bl-użu tal-moog, l-ARP u l-VCS 3 synthesizers, il-Fender Rhodes electric piano u l-mellotron.