Il-Gvern ta’ Moska qal li, għalissa, qed jopponi ż-żjarat fir-Russja mid-deputati tal-Parlament Ewropew, b’din id-deċiżjoni tkun dovuta, f’parti, għall-aħħar riżoluzzjonijiet ta’ dan il-Parlament rigward il-kriżi fl-Ukrajna.
Vladimir Chizhov, l-ambaxxatur Russu għall-Unjoni Ewropea, informa lill-EUobserver li kienet miċħuda t-talba ta’ MEP mil-Litwanja biex jiltaqa’, fi Frar, ma’ deputati parlamentari u uffiċjali tar-Russja. Mifhum li Moska ma laqgħetx it-talba b’kaġun tas-‘sitwazzjoni politika’.
Id-deputat Liberali Litwan, Gabrielius Landsbergis, kellu jmur ir-Russja fl-aħħar tax-xahar biex javvanza rapport dwar ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u r-Russja għall-kumitat tal-affarijiet barranin u fejn kellu wkoll jiltaqa’ ma’ xi dissidenti Russi.
Landsbergis qal li Chizhov, is-sena l-oħra, infurmah li hu ma kienx fuq il-‘lista sewda’ li ħejjiet Moska għall-MEPs u uffiċjali tal-UE bħala ritaljazzjoni kontra l-Unjoni Ewropea talli hi pprojbiet il-visas għall-uffiċjali Russi biex imorru fil-pajjiżi Ewropej. Intant, id-deputat Litwan ‘il quddiem kien informat li żewġ kollegi tiegħu ma kenux se jingħataw il-visas biex imorru r-Russja ‘għaliex il-vjaġġ ma baqax jitqies fuq status uffiċjali’.
Filwaqt li ż-żmien attwali mhux ikkunsidrat ‘l-aħjar għal żjara fir-Russja’, Chizhov innota wkoll li l-Parlament Ewropew iddeċieda li jħassar laqgħa tal-Kumitat Parlamentari għall-Kooperazzjoni tar-Russja u l-Unjoni Ewropea, li kellha ssir f’Moska x-xahar id-dieħel.
Intant, ftit hemm dubju li l-aħħar riżoluzzjonijiet li l-Parlament Ewropew adotta rigward il-kriżi tar-Russja u l-Ukrajna qed jikkontribwixxu għall-atteġġjament attwali ta’ Moska.
IR-RUSSJA: Tissospendi ż-żjarat uffiċjali mill-Parlament Ewropew
