Film dokumentarju tad-direttur ċelebri Martin Scorsese fejn is-suġġett ewlieni hu l-eks-President Amerikan, Bill Clinton, inżamm milli joħroġ għall-wiri għal żmien indefinittiv.
Il-gazzetta ‘New York Times’ qalet li l-proġett għat-televiżjoni – li kien tħabbar f’Diċembru tal-2012 – spiċċa ‘ffriżat’ minħabba nuqqas ta’ qbil dwar il-kontroll fuq il-film.
Mifhum li Clinton ried li jkollu influwenza akbar fir-rigward ‘tad-domandi li jsirulu waqt intervista’ u dwar il-‘final cut’ tal-film. Mill-banda l-oħra, il-kelliema għall-eks-President Amerikan jiċħdu li l-film kellu jinżamm proprju għal din ir-raġuni.
Il-film kellu juri lil Clinton waqt żjara filantropika fl-Afrika t’Isfel. Intant, u skont is-sorsi li ħadmu fuq il-proġett, in-nies madwar l-eks-President riedu li japprovaw id-domandi li kellhom isirulu flimkien mal-editing finali tal-produzzjoni.
Il-film inħadem għall-HBO u waqt li l-kelliema ta’ Scorsese – rebbieħ tal-Oscar u famuż għal films bħal ‘Taxi Driver’ ‘Raging Bull’ u ‘Goodfellas’- ma kkummentawx dwar il-kwistjoni, l-imkejjen ma’ dan in-network tat-televiżjoni qalu li ‘t-telespettaturi jridu jdumu jistennew biex jaraw il-film ta’ Clinton anki jekk dan ma jfissirx li l-proġett miet fuq ommu’.
Fil-preżent, Martin Scorsese jinsab fit-Tajwan fejn għaddej bi preparazzjonijiet għall-film ġdid tiegħu bl-isem ‘Silence’. Il-film, li jitratta l-qassisin Ġiżwiti, għandu lil Liam Neeson u Andrew Garfield fil-partijiet prinċipali u se joħroġ għall-wiri din is-sena.
//= $special ?>