Futbol Sport

Kelliem għall-MGA jitkellem f’Replay ta’ għada l-Ħadd

Il-programm ta’ Net Television Replay irnexxilu jqajjem kuxjenza dwar il-problema tal-korruzzjoni u l-match fixing fil-futbol lokali hekk kif f’dawn l-aħħar programmi tkellem mal-persuni konċernati dwar din il-kankru li qed iħalli l-impatt tiegħu mhux biss f’pajjiżna iżda anke internazzjonalment. Fil-programm ta’ għada l-Ħadd, Replay jkollu intervista mal-Avukat Domenic Micallef li hu Chief Investigations and Enforcement fi ħdan il-Malta Gaming Authority.

Sal-lum konna għadna ma smajnix lil din l-Awtorita’ titkellem wara l-kummenti tas-Segretarju tal-MFA Bjorn Vassallo u l-Integrity Officer tal-istess assoċjazzjoni Franz Tabone. F’kummenti li ta lil Replay, l-Avukat Micallef jitkellem dwar il-funzjoni tal-MGA biex tassigura li dawk li qed jipparteċipaw f’betting legali qed jagħmlu dan f’ambjent ikkontrollat u ‘l bogħod minn kull tip ta’ abbuż. Hu jitkellem dwar l-ammont ta’ 70 miljun ewro li Vassallo qal li intlgħabu fuq il-futbol Malti fl-2013 kif ukoll dwar x’wassal biex Malta ma iffirmatx l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa fuq il-Manipulazzjoni tal-Kompetizzjonijiet Sportivi, liema aħbar kienet konfermata din il-ġimgħa mill-Ministru Evarist Bartolo wara li saret mistoqsija Parlamentari minn Jason Azzopardi.

Lilhin minn dan, f’Replay ta’ għada se jkun hemm aċċenn speċjali dwar il-partita li tintlgħab illum bejn B’Kara u Hibernians u l-bqija tal-partiti l-oħra mill-20 ġurnata tal-Kampjonat Premier. Bħal dejjem il-programm iwassal l-aħħar aħbarijiet dwar is-suq tat-trasferimenti u stejjer marbuta mal-futbol Malti fir-rokna ‘Rajna u Smajna’. Mistiedna fil-programm ta’ għada se jkun hemm Andrei Agius u Gareth Sciberras ta’ Hibernians u B’Kara rispettivament kif ukoll il-mistiedna residenti tal-programm, l-Avukat Matthew Paris u Konrad Sultana.

Replay hu ppreżentat minn Christian Micallef u Sarah Agius u jibda fl-9:40pm fuq Net Television.