Wara d-deċiżjoni li l-Għassa fil-kontejner tingħalaq u eventwalment tiċċaqlaq minn fejn kienet, il-Pulizija stazzjonati fl-Għassa ta’ Wied il-Għajn kienu ordnati jservu u joqogħdu fil-vann tal-Pulizija li ssoltu kien ikun stazzjonat f’Paceville għal kull eventwalità li tista’ tinqala’.
Persuni li għaddew mill-post qalulna li, apparti li issa jinsabu ħdejn l-iskips taż-żibel, il-kundizzjonijiet għal dawn il-pulizija huma inumani tant li wħud minnhom dehru għal ħafna mill-ħin jippassiġġaw barra l-vann biex forsi jegħlbu t-temperaturi baxxi ta’ dak il-ħin tal-ġurnata.
jirriżulta li l-awtoritajiet tal-Pulizija bagħtu dan il-vann mobbli tal-Pulizija biex jieħu post dik li kienet l-Għassa fil-forma ta’ kontejner bl-iskop li jkun assigurat li s-sorveljanza tal-lokalità tibqa’ tkun mħarsa.
Sadanittant il-Korp għaddej b’diskussjonijiet biex tinstab soluzzjoni permanenti għal din is-sitwazzjoni li rrendiet lilha nnifisha waħda redikola.
Naturalment, qabel ma tneħħiet din l-Għassa tal-Pulizija fil-forma ta’ kontejner, il-Pulizija kienu ordnati jiżbarazzaw il-kontejner mill-files kollha li kien fih u jippakkjaw kollox f’kaxxi ħalli mbagħad tpoġġew fil-vann mobbli tal-Pulizija.
//= $special ?>