Kurżitajiet

Salvati l-klieb f’stat tal-biki… bil-ħmieġ li kellhom lanqas għarfuhom

Ir-residenti ta’ Hampshire, fir-Renju Unit, huma xxukkjati bis-sejba ta’ disat iklieb — kelba u l-ġriewi tagħha — li spiċċaw abbandunati f’diversi lokalitajiet u li spiċċaw f’kundizzjoni gravi.

Il-klieb instabu jiġru barra u koperti bit-tajn, tant li bilkemm setgħu jaraw u fejn anki waslu sal-punt fejn bilkemm kienu qed iżommu fuq saqajhom.

In-nies li salvawhom, fil-fatt, damu tliet sigħat biex iqaxxru s-suf ta’ kull kelb, b’dawn l-annimali jindikaw diversi drabi li kienu terrorizati u mwerwra.

Tant dawn il-klieb — speċi ta’ poodles pastardjati — kienu f’kundizzjoni ‘tal-waħx’ li l-membri tal-RSPCA, għall-bidu, sabuha diffiċli biex jidentifikaw ir-razza tagħhom. Hemm ukoll il-biża’ li dawn il-klieb kienu spiċċaw imsawwtin u maltrattati mis-sid jew mis-sidien tagħhom.

Kien proprju bennej li jgħix fil-lokalita ta’ Upham li qajjem l-allarm wara li ra dak li ħaseb kien ‘munzell ta’ ħwejjeġ ħżiena’ man-naħa tat-triq hu u sejjer għax-xogħol. Hu niżel biex jara ‘l-oġġett misterjuż’ u sab żewġt iklieb imwaħħlin qalb l-għollieq u fejn ‘ma kienx jaf jekk dawn kienux tassew klieb inkella ngħaġ’.

Intant, il-kelba — omm il-ġriewi u li jaħsbu li għandha tmien snin — issa ngħatat l-isem ta’ Sian. Il-ġriewi, li għandhom madwar sena, issemmew Fay, Mavis, Martha, Justin, Wills, Kate, Maria u Dave min-nies li salvawhom.