Sport

Tasal ir-reazzjoni ta’ Floriana wara tliet telfiet

MOSTA………………1
FLORIANA………………3

Mosta: K. Gerada (O. Borg 90’), R. Ekani, T. Farrugia, Y. Ossok, K. Pulo, K. Magro (J. Brincat 79’), R. Grech, G. Roberts, I. Zammit, D. Pinheiro De Sousa (Z. Brincat 64’), M. Ribeiro Dos Santos
Floriana: T. Gauci, F. C. Felipe Douglas, E. Marcelina, S. Pisani, V. Plut, C. Borg (B. Farrugia 79’), M. Piciollo, C. Borg, E. Briffa (S. Borg 82’), G. Muir, S. Bonnici
Imwissija: K. Gerada 45’, R. Grech 58’, M. Ribeiro Dos Santos 77’ (M) C. Borg 60’ (F)
Skurjaw: V. Plut 53’, M. Piciollo 66’, F. C. Felipe Douglas 93’ (F); I. Zammit 88’ (M)
Referee: Ignasi Villamayor (Andorra)
Il-Mument Plejer tal-Logħba: Vito Plut (F)

Floriana taw ir-risposta mistennija minnhom wara t-telfiet kontra Balzan u Birkirkara fil-Kampjonat, u l-eliminazzjoni mit-Trophy minn Qormi, b’rebħa f’logħba li fiha ddominaw għal ħinijiet twal.

Il-partita bdiet b’mod bilanċjat bl-ewwel xutt perikoluż jasal min-naħa ta’ Mosta fit-tmien minuta, bil-gowlkiper Gauci jneħħi l-periklu.

Imma fis-16-il minuta Floriana kellhom opportunità tad-deheb li jiftħu l-iskor. Minn freekick, il-ballun wasal għand Pisani li kellu xutt kross jaħbat mal-wieqfa u Gerada salva r-rebound ta’ Muir.

Din l-azzjoni mliet bil-kuraġġ lil Floriana li bdew jisirqu l-ballun f’nofs il-grawnd u jwaqqfu kull azzjoni ta’ Mosta. Fil-25 minuta, ballun ieħor misruq lil Mosta, Piciollo avvanza, qabeż tnejn imma x-xutt tiegħu għadda għoli.

Floriana baqgħu jikkontrollaw u fid-29 minuta Plut għadda lejn Piciollo li ġie mċaħħad minn Gerada.

Fil-31 minuta deċiżiv għal darb’oħra Gerada. Muir qassam lejn Plut li avanza imma kellu x-xutt imdawwar f’korner mill-gowlkiper Mosti.

Żewġ minuti wara Floriana għal darb’oħra sfortunati, meta Marcelina għadda lejn Plut u din id-darba kienet il-wieqfa li salvat lil Mosta.

Tliet minuti minn tmiem l-ewwel taqsima waslet ir-risposta ta’ Mosta u minn korner Ribeiro Dos Santos b’daqqa ta’ ras mill-qrib stampa taħt il-mimduda.

Fit-tieni taqsima l-andament baqa’ l-istess u Floriana mill-ewwel marru fil-vantaġġ. Fit-52 minuta Plut fajjar xutt minn barra l-kaxxa li ġie mxellef f’korner minn Gerada. Mill-istess korner, Pisani sab lil PLUT li pront tefa’ fix-xibka minn quddiem Gerada.
Mosta baqgħu ineżistenti u Floriana komplew jattakkaw fejn fis-66 minuta żiedu l-iskor. Muir indirizza għoli fil-kaxxa u PICIOLLO daħal tajjeb bejn żewġ difensuri u kompla ġewwa fil-baxx.

Erba’ minuti wara Muir qrib li jkabbar il-vantaġġ, imma x-xutt bid-dawra tiegħu għadda barra.

Fl-84 minuta Piciollo seraq ballun lil Mosta, avanza, imma għażel ix-xutt flok qassam lil sħabu, bil-gowlkiper Gerada jsalva. Sekondi biss wara u Gerada reġa’ salva lil Mosta meta żamm ballun fuq il-linja wara taħwida quddiemu, bid-difensuri Mostin inċerti.
Fit-88 minuta Mosta daħlu fil-logħba, meta Ian ZAMMIT għeleb lil Tyrone Gauci bi freekick dirett mill-isbaħ.

Fuq in-naħa l-oħra Gerada b’titjira spettakolari ċaħħad lil Floriana imma niżel ħażin u deher li qala’ spalltu biex kellu jinbidel ma’ Omar Borg. Żewġ minuti fuq il-ħin ul-gowlkiper Omar Borg, tela’ fl-attakk u niżżel il-ballun b’sidru lejn Farrugia li kien imċaħħad mid-difensuri Furjaniżi bil-ballun jiddawwar f’korner.

Omar Borg baqa’ fil-kaxxa avversarja u mill-korner, Floriana ħarġu b’kontrattakk, fejn Douglas COBO b’lasta vojta minn nofs il-grawnd tefa’ ġewwa għal skor finali ta’ 3-1 għal Floriana.