Kultura

Żwiemel jgħaddu min-nar biex jitfakkar il-qaddis patrun tal-annimali fi Spanja

Mad-daqqa t’għajn dan ir-ritratt jista’ juri xi xena drammatika minn film, iżda fil-fatt jesponi tradizzjoni annwali Spanjola.

Iċ-ċelebrazzjoni reliġjuża tikkonsisti f’irġiel li jirkbu ż-żwiemel tagħhom u jtellqu fid-direzzjoni ta’ nar kbir fil-villaġġ ta’ San Bartolome de los Pinares lejlet Jum Sant’Antnin – il-qaddis patrun tal-annimali.

Magħruf bħala l-Festival Las Luminarias, li jmur lura 500 sena, id-drawwa kienet issir biex tippurifika u tipproteġi l-annimal matul is-sena li kienet ġejja.

L-oriġini ta’ din id-drawwa mhix magħrufa iżda jidher li bdiet fi żmien meta l-annimali kienu jimordu għall-għarrieda.

Għalkemm hemm perikli ovvji għaż-żiemel jew għar-rikkieb, ir-residenti tal-villaġġ, li jinsab 62 mil fil-Majjistral ta’ Madrid, jinsistu li l-annimali qatt ma jkunu maħqura.

Friegħi tas-siġar jinġabru biex jiffurmaw il-qafas tal-mixegħla bi tħejjija għall-avveniment (li tfakkar fis-16 ta’ Jannar), fejn iż-żwiemel jaqbżu l-fjammi sa nofsillejl, u fejn ix-xorb u l-ikel jibqa’ għaddej saż-żerniq.