Skont grupp Għarbi-Amerikan dwar id-drittijiet ċivili, il-ħruġ għall-wiri tal-film American Sniper wassal għal żieda ta’ theddid kontra l-Musulmani fl-Istati Uniti.
Il-Kumitat Amerikan-Għarbi Kontra d-Diskriminazzjoni (ADC) kiteb lid-direttur Clint Eastwood u lill-attur Bradley Cooper.
Il-film tagħhom hu bbażat fuq is-servizz tas-suldat Amerikan, Chris Kyle, fl-Iraq bejn l-2003 u l-2009.
Il-Kumitat qal li “l-maġġoranza tat-theddid vjolenti li rajna f’dawn l-aħħar jiem huma riżultat ta’ kif l-Għarab u l-Musulmani huma mfissra f’American Sniper“.
L-organizzazzjoni, li tiddeskrivi lilha nnifisha bħala l-ikbar organizzazzjoni Għarbija dwar id-drittijiet ċivili fl-Istati Uniti, qalet li ġabret “mijiet ta’ messaġġi vjolenti li kellhom, fil-mira tagħhom, Amerikan-Għarab u Musulmani”. Ħafna minn dawn il-messaġġ dehru fuq Facebook u fuq Twitter.
L-ittra staqsiet lil Eastwood u lil Cooper biex jitkellmu kontra tali messaġġi “fi sforz sabiex titnaqqas ir-retorika tal-mibegħda”.
“L-influwenza u r-rabta tagħkom mal-film jistgħu jkunu forza tremenda biex jitnaqqsu l-perikli serji li qed iħabbtu wiċċhom il-komunitajiet rispettivi”, kiteb Samer Khalaf, il-president tal-ADC.
Jack Horner, kelliem għall-istudios ta’ Warner Brothers, li ħarġu l-film, qalu li l-kumpanija “tikkundanna kull retorika vjolenti kontra l-Musulmani, fosthom dik li ġiet attribwita fil-film. Hu żied li “l-mibegħda m’għandhiex post fid-djalogu importanti li dan il-film iġġenera dwar l-esperjenza tal-veteran tal-gwerra.”
Il-film American Sniper kiseb suċċess fl-Istati Uniti, tant li qabeż it-tbassir tal-box office billi daħħal $90 miljun fl-ewwel wiri tiegħu. Il-film ukoll għandu sitt nominazzjonijiet għall-premju Oscar.
Il-film qajjem kontroversja; ħafna jqisu lil Kyle bħala eroj tal-gwerra, iżda oħrajn ikkritikaw il-film talli gglorifika l-vjolenza u għall-attitudni ta’ Kyle lejn il-vittmi tiegħu.
Kyle, li kien membru fil-forza speċjali Navy Seals fi ħdan il-Qawwa Navali Amerikana, serva erba’ tours of duty fl-Iraq u qatel aktar minn 160 persuna. Hu kien meqjus bħala l-aktar tiratur preċiż fl-istorja Amerikana.
Il-film hu bażat fuq il-ktieb tiegħu, ukoll bl-isem ta’ American Sniper, fejn hu jisħaq li qatt ma ddispjaċih ta’ dak li għamel, filwaqt li rrefera għall-vittmi tiegħu bħala “slavaġ”.
Kyle inqatel f’range għall-isparar f’Texas fi Frar tal-2013.
//= $special ?>