Il-Gvern qed jirrifjuta li jagħti dettalji dwar kuntratti li l-valur tagħhom hu mill-inqas ta’ 730 miljun ewro. U dan minkejja li l-Partit Laburista kien elett bl-għajta li jkun fost l-iktar Gvernijiet trasparenti fl-istorja.
Wara li t-trasparenza, jew in-nuqqas tagħha, spikkat kemm ġewwa u barra mill-Parlament matul din il-ġimgħa, il-gazzetta The Malta Independent on Sunday fakkret f’diversi talbiet li għamlet taħt il-liġi dwar il-libertà tal-informazzjoni u li baqgħu jiġu miċħuda mill-Gvern.
Fost it-talbiet li saru kien hemm il-pubblikazzjoni tal-kuntratt li sar mal-konsorzju Electrogas sabiex tinbena power station ġdida u provvista tal-elettriku li jiswa 370 miljun ewro. Kien hemm ukoll it-talba għall-kuntratt mal-kumpanija tal-Gvern Ċiniż Shanghai Electric li jiswa 320 miljun ewro li bih xtrat terz tal-Enemalta u ħadet f’idejha l-impjant tal-BWSC kif ukoll il-kuntratt mal-kumpanija Spanjola Autobuses de Leon biex tieħu f’idejha it-trasport pubbliku li jiswa 40 miljun ewro.
Dan minbarra li l-Ministru Konrad Mizzi semma ftehim ieħor bejn Electrogas, Shanghai Electric u l-Gvern u li dwaru ma kien hemm ebda ħjiel.
Il-gazzetta tagħmel aċċenn ukoll għad-dibattitu dwar l-Enemalta li sar fil-Parlament iktar kmieni din il-ġimgha u rrimarkat li kien nieqes mis-sustanza, l-iktar minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-kuntratt li kien iffirmat.
//= $special ?>